Kunsilli Lokali Lokali

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-Kunsilli Lokali – Adrian Delia

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-Kunsilli Lokali u hekk se jibqa’ jagħmel, bit-80 proposta li qed jippreżenta għar-Riforma fil-Kunsilli Lokali. B’hekk, naraw li l-Kunsilli jaħdmu dejjem aktar qrib ir-residenti fil-lokalitajiet.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem żjara f’għadd ta’ negozji fis-Siġġiewi. Matul din iż-żjara, hu kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Clyde Puli, id-Deputati Ryan Callus u Kristy Debono, il-Kandidat għall-elezzjoni fil-Parlament Ewropew Frank Psaila, flimkien mas-Sindku, il-Kunsilliera u l-Kandidati li l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta għall-elezzjoni lokali tal-25 ta’ Mejju. Preżenti wkoll għadd ta’ membri tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit.

Adrian Delia qal li l-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista fis-Siġġiewi dejjem wera biċ-ċar kif governanza tajba fil-Kunsilli tista’ tagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ kuljum tar-residenti.

Il-Kunsill tas-Siġġiewi hu Kunsill li jaħdem qatigħ biex iġib u juża’ fondi tal-Unjoni Ewropea ħalli jagħmel diversi proġetti ta’ toroq u ta’ infrastruttura, kif ukoll inizjattivi bħall-Kunsill tat-Tfal.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella biex aktar Kunsilli Lokali jagħmlu l-almu tagħhom biex il-ħajja tar-residenti tkompli timxi ‘l quddiem.

Adrian Delia temm billi fakkar li l-Kunsill tas-Siġġiewi nieda wkoll proġett tan-Night Shelter li hu xempju tar-ruħ soċjali li rridu lill-Kunsilli Lokali tagħna jitmexxew biha.

B’dan il-proġett jingħata kenn lill-anzjani biex jibqgħu fil-qalba tas-soċjetà tagħna, bi pjanijiet li matul il-jum, dan iċ-Ċentru jintuża’ mill-pazjenti li jbatu mill-kundizzjoni tad-dimensja.