Lokali Saħħa

Il-Partit Nazzjonalista b’aktar proposti konkreti b’risq il-pazjenti, l-professjonisti u l-għaqdiet tal-kanċer

“L-għaqdiet tal-kanċer f’Malta għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra l-kanċer. Mal-medda tas-snin, dawn l-NGOs permezz tas-servizzi varji tagħhom ikkumplimentaw is-servizz tas-saħħa. Grazzi għall-ħidma volontarja ta’ bosta kif ukoll l-appoġġ ta’ professjonisti, dawn l-għaqdiet huma fonti ta’ għarfien u esperjenza u għalhekk hu kruċjali li jkunu kkonsultati f’deċiżjonijiet u tfassil ta’ politika li tikkonċerna l-kanċer.”, hekk qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta ltaqa’ ma’ għaqdiet li jaħdmu mal-pazjenti bil-kanċer u nieda ħames proposti ġodda.

Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista ressaq numru ta’ proposti li jinvolvu kemm miżuri fuq livell nazzjonali kif ukoll miżuri oħra li hemm bżonn li nimplimentaw f’livell Ewropew. Huwa qal li filwaqt li aħna bħala pajjiż irridu nagħmlu l-parti tagħna biex niġġieldu l-kanċer, l-isfida nistgħu negħlbuha biss jekk ikun hem impenn Ewropew. Adrian Delia nieda dawn il-ħames proposti ġodda:

1. Il-Gvern għandu jittrasponi l-aġġornament tar-regoli dwar is-servizzi awdjoviżivi li joffru regoli stretti dwar il-pubbliċità u l-placement ta’ prodotti fil-programmi tat-tfal.

2. Għandu jkun assigurat li l-iskema tat-tqassim tal-frott u ħaxix fl-iskejjel b’fondi Ewropej tkun implimentata fil-ħin fis-snin skolastiċi li gejjin u jkun assigurat li skont l-istess linji gwida tal-iskema dawn ikunu friski u tal-istaġun.

3. Il-Gvern għandu jintroduċi l-provvedimenti kollha tal-Liġi għal Stili ta’ Ħajja Sana. Din il-liġi kienet approvata mill-Parlament f’Jannar tal-2016 u kien biss wara sentejn u nofs li l-Gvern ħa azzjoni, li però kienet limitata biss għal parti żgħira tal-liġi. Il-Liġi ta’ stili ta’ Ħajja Sana tindirizza it-tip ta’ ikel li jitqassam fl-iskejjel, fid-djar tal-anzjani u f’istituzzjonijiet pubbliċi, t’inċentiva l-Kunsilli Lokali sabiex jaħdmu biex iqajmu kuxjenza, u tirregola l-promozzjoni u r-reklamar ta’ prodotti li mhux sustanzjużi għall-ġisem tal-bniedem.

4. Fil-kuntest tal-kanċer rari u dak li jolqot lit-tfal il-Partit Nazzjonalista se jaħdem fuq livell Ewropew biex:

  • Jiżdiedu l-fondi għar-riċerka u sabiex ir-riċerka fuq il-kanċer li jolqot lit-tfal jitqies bħala prijorità biex tkun assigurata kura aktar innovattiva
  • Ikun hemm aktar koperazzjoni bejn pajjiżi u riċerkaturi u skambju ta’ għarfien fuq trattament u mediċina biex l-informazzjoni relattivament limitata fuq kanċer rari isservi għal żvilupp aktar mgħaġġel biex insibu kura għal kanċer fit-tfal.
  • Li jsir użu aktar tal-European Reference Networks (ERN) madwar l-Ewropa f’każijiet ta’ kanċer rari li jirrikjedu konċentrazzjoni ta’ gharfien.

Ir-reġistri tal-kanċer (li jinkludi informazzjoni varja bhal it-tip ta’ kanċer, l-età tal-pazjent, l-ġeneru, t-trattament li ingħata kif ukoll informazzjoni oħra) għandhom jiġu standard mal-Unjoni Ewropea kollha sabiex ikun hemm skambju ta’ informazzjoni biex insaħħu r-riċerka, il-prevenzjoni u l-kura u jkunu identifikati aħjar disparitajiet.

L-MEP Francis Zammit Dimech, li qed imexxi t-tfassil ta’ dawn il-proposti qal li hu kien diġà kkonsulta ma’ dawn l-għaqdiet, u li bosta mill-proposti konkreti tal-Partit Nazzjonalista huma proposti tal-istess għaqdiet. Huwa fakkar ukoll kif fl-aħħar xhur huwa stieden bosta għaqdiet Brussell biex huma jiehdu sehem attiv fit-tfassil tal-politika Ewropea li tikkonċerna l-kanċer.
Fil-Jum Dinji tal-ġlieda kontra l-kanċer, il-Partit Nazzjonalista kien nieda seba’ proposti, li huma dawn:

  • Aktar fondi għar-riċerka
  • Screening nazzjonali għall-kanċer tal-prostata
  • Aktar investiment fil-klinika tal-kanċer tas-sider
  • L-involviment tal-Kunsilli Lokali biex tissaħħaħ l-għarfien tal-ħajja sana
  • L-involviment tal-NGOs fit-tfassil tal-politika tal-kanċer u s-saħħa
  • Apoġġ psikoloġiku lit-tfal kollha Maltin u Għawdxin
  • Stocktaking tal-Pjan Nazzjonali tal-Kanċer u tal-mira li l-mediċini tal-kanċer ikunu kollha bla ħlas.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm rappreżentanti ta’ Puttinu Cares, il-Malta Colorectal Cancer Awareness Group, Smiling with Jerome, Malta Community Chest Fund, Karl Vella Foundation, Europa Donna Malta, Alive Charity Foundation u l-Malta Health Network.

Flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien hemm preżenti, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri, l-MEP Francis Zammit Dimech, l-Kandidat għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali fin-Naxxar Chris Deguara u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Michael Asciak.