Numru ta’ kwadri imprezzabbli li għandhom valur mhux biss artistiku kbir iżda wkoll jifformaw parti mill-patrimonju artistiku reliġjuż ta’ pajjiżna nsterqu minn wieħed mill-kuriduri fis-sular ta’ fuq fil-Kunvent tal-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta.
Patri Deo Debono OSA, li hu l-Kappillan tal-Parroċċa Santu Wistin fil-Belt Valletta, ilbieraħ ikkonfermalna din is-serqa u qalilna li din ma saritx mill-Knisja ta’ Santu Wistin, iżda mill-Kunvent.
Jirriżulta li kemm il-Kappillan kif ukoll il-Patrijiet Agostinjani ħutu ma għandhom l-ebda idea meta saret din is-serqa spettakolari ta’ numru ta’ pitturi. Kien biss nhar il-Ġimgħa li għadda filgħodu meta daħal rapport lill-Pulizija fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta li mill-Kunvent tal-Patrijiet kienet saret serqa ta’ numru ta’ kwadri reliġjużi artistiċi.
Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li l-Patrijiet Agostinjani ma kellhom l-ebda idea meta setgħet saret din is-serqa. Dan minħabba li tul l-aħħar xhur f’dan il-kuridur u f’partijiet oħra tal-Kunvent kien qiegħed isir xogħol strutturali ta’ tibjid u xogħlijiet oħrajn fejn anki tressqet xi għamara għan-nofs tal-kurridur.
Min ippjana din is-serqa ħadimha bizzilla fis-sens li seraq il-kwadri li kellu f’moħħu, bil-kumdità kollha ħariġhom mill-Kunvent u fir-rigward ta’ wieħed jew tnejn minnhom poġġa kwadri oħrajn li qatt ma kienu hemm qabel.
Jirriżulta li fost il-kwadri misruqa hemm dawk li jiffiguraw lil San Raffael, lil San Mikiel, abbozzi ta’ Ġianni Vella u kwadru wieħed b’numru ta’ kwadri żgħar fih. Dawn huma lkoll kwadri antiki ħafna li l-valur tagħhom jammonta għal għexieren ta’ eluf ta’ ewro.
Nifhmu li fl-investigazzjonijiet dwar din is-serqa kienu involuti wkoll il-Pulizija tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK) li bdew l-indaġni tagħhom għalkemm nifhmu li tali serq hi waħda diffiċli ħafna biex tkun riżolta anki fid-dawl tal-fatt li l-istess Kappillan Deo Debono u l-Patrijiet ħutu ma għandhom l-ebda idea meta setgħet saret din is-serqa.
Fil-fatt kien fil-jiem li għaddew li Patri anzjan li kien fil-kuridur ta’ fuq osserva pitturi nieqsa u oħra ‘ġdida’ li qatt ma kien ra qabel. Hu ġibed l-attenzjoni ta’ ħutu l-Patrijiet li qablu li kien hemm numru ta’ pitturi nieqsa.
Ma hux magħruf jekk dwar din is-serqa kenitx infurmata wkoll il-Maġistrat tal-Għassa biex tordna Inkjesta Maġisterjali dwar min b’tant ħila rnexxielu jfassal tali serqa tant li ħalla kwadru ‘ġdid’ warajh biex hekk l-ingann lill-Patrijiet Agostinjani jkun wieħed komplut.
Patri Leslie Gatt, il-Provinċjal tal-Ordni Agostinajan, meta kuntattjat mill-media,kkonferma s-serq tal-inkwadri minn wieħed mill-kurriduri tal-Kunvent fil-Belt Valletta u stqarr li din hi esperjenza ta’ dispjaċir għall-Ordni tal-Agostinjani.
Hu wera t-tama tiegħu li l-kwadri misruqa jkunu rritornati u appella li kull min jista’ jkollu xi informazzjoni biex jgħaddiha lill-Pulizija.
//= $special ?>