Għawdex Lokali

Flimkien għal pajjiżna għax Malta għandha bżonn viżjoni ċara u pjan fattibbli fit-tul – Clyde Puli

“Flimkien għal pajjiżna għaliex Malta u Għawdex tagħna għandhom bżonn viżjoni ċara meta l-Gvern m’għandux pjan”, hekk qal is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli waqt sessjoni speċjali f’Għawdex li nediet il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Clyde Puli qal li l-Gvern Laburista huwa Gvern bla viżjoni u li m’għandux pjan fit-tul. Dan bħall-kriżi li ħoloq hu stess fis-settur tal-edukazzjoni, meta flok jibni skola ġdida kull sena ppospona skola ġdida u l-istudenti f’San Pawl il-Baħar spiċċaw jieħdu t-tagħlim tagħhom fil-kontejners. F’Għawdex ukoll, il-Gvern ilu mill-2015 iwiegħed l-iskola primarja fir-Rabat.

Is-Segretarju Ġenerali qal li l-Gvern ma kellux pjan lanqas fl-introduzzjoni tal-iskema tal-frott u l-ħaxix fl-iskejjel u flok prodott frisk lill-istudenti tahhom frott maqtugħ u ħaxix qares. Lanqas ma kellu pjan għat-trasport lill-istudenti u ħalla barra 800 student u studenta. Huwa qal li l-Gvern mhux qed jieħu bis-serjetà s-sigurtà fl-iskejjel meta 90% tal-għalliema sofrew xi forma ta’ aggressjoni.

Clyde Puli qal li l-Gvern Laburista jwiegħed ħafna imma ma jwettaqx bħalma wiegħed sensiela ta’ proġetti f’Għawdex iżda baqa’ ma wettaqhomx. Huwa qal li fil-Munxar f’Tal-Qortin kellhom ikunu l-Kunsillieri Nazzjonalisti li jwasslu l-vuċi tar-residenti għax il-Gvern ried jiftaħ demmiela u l-miżbla mill-ġdid baxx baxx u minn wara dahar in-nies.

Is-Segretarju Ġenerali qal li din is-sessjoni tal-Kunsill Ġenerali qed issir f’Għawdex għax il-Partit Nazzjonalista għandu Għawdex għal qalbu u dikjarazzjoni ċara li l-PN se jibqa’ l-partit tal-Għawdxin.