Għawdex Lokali

Id-Deputati Għawdxin jindirizzaw is-sessjoni speċjali tal-Kunsill Ġenerali

Jitkellmu wkoll għadd ta' Kunsilliera Għawdxin tal-Kunsill Ġenerali

Is-sessjoni speċjali tal-Kunsill Ġenerali kienet indirizzata wkoll mid-Deputati Għawdxin eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista.

David Stellini, li hu wkoll il-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit, qal li filwaqt li fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti saru diversi proġetti ta’ konnettività għal din il-gżira, taħt Gvern Laburista ma sar xejn.

Kompla li Għawdex għandu opportunitajiet u sfidi distinti minn Malta, filwaqt li spjega t-tħassib u l-biża’ ta’ ħafna meta jkollhom bżonn jinqdew fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Chris Said, il-Kelliem għal Għawdex, qal li minkejja li fl-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed ikompli joħroġ bi proposti ta’ vera għal din il-gżira, fejn irid jagħti aktar poteri f’idejn l-Għawdxin. U dan għall-kuntrarju tal-Gvern Laburista, li wiegħed kollox imma ma wettaq xejn.

Kompla li bħalma fil-pjan għall-Awtorità Reġjonali, il-Gvern irid jgħaddi lill-Għawdxin biż-żmien għax irid iħalli l-poteri f’idejn il-Ministru, hu ta’ tħassib ukoll kif ta’ kuljum qed inkomplu nisimgħu stejjer ta’ negliġenzi ħerġin mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Dwar dan, hu faħħar il-pass kuraġġjuż ta’ Adrian Delia li jmur il-Qorti ħalli l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u żewġ Sptarijiet pubbliċi f’Malta jerġgħu jsiru tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Frederick Azzopardi qal li l-Partit Nazzjonlista hu l-Partit li ttrasforma lil Malta u lil Għawdex f’pajjiż aħjar, filwaqt li dejjem fehem l-isfidi partikolari tal-Għawdxin. Hu qal li l-Partit qed ikompli jaħdem biex isaħħaħ it-tajjeb li għandna, għall-kuntrarju ta’ Muscat, li fit-tmexxija tal-Partit Laburista ħoloq il-kultura ta’ xejn mhu xejn.

Paul Buttigieg, il-President tal-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex, qal li hemm bżonn li kulħadd isaħħaħ l-impenn tiegħu biex jara li l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista jasal aktar għand in-nies.

Paul Dimech, ir-Rappreżentant Distrettwali għal Għawdex, qal li wasal iż-żmien li nibdew inħarsu lejn l-isfidi li Għawdex se jsib ma’ wiċċu fis-snin li ġejjin. Hu kompla li l-Oppożizzjoni għandha taħdem biex tara li Għawdex Reġjun ikun imnaqqax fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

Mario Azzopardi, is-Sindku ta’ Kerċem, faħħar il-ħidma sfieqa li għamel Kunsill Lokali mmexxi mill-Partit Nazzjonalista biex jara li wiċċ il-lokalità jkompli jinbidel għall-aħjar.

Karl Buttigieg, Kunsillier Lokali fil-Qala, qal li anke hawn, il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista ma jħarsux lejn kuluri, iżda jaraw l-ewwel u qabel kollox l-interess tar-residenti kollha.

Kevin Cutajar, Kunsillier Lokali fix-Xagħra, qal li meta Eddie Fenech Adami kien qal li s-sewwa jirbaħ żgur, wieħed irid jifhem li dan jista’ jsir jekk naħdmu flimkien, propju kif irid il-Partit Nazzjonalista bit-tema ta’ dan il-Kunsill Ġenerali.

Damian Spiteri, il-Minority Leader fil-Munxar, tenna t-talba ta’ ħafna li l-Gvern Laburista jkollu pjan aktar wiesgħa u fit-tul għall-ħtiġijiet ta’ Għawdex u l-Għawdxin.

Noel Formosa, is-Sindku ta’ San Lawrenz, fakkar kif deċiżjonijiet għaqlin li ħa l-Partit Nazzjonalista fil-passat wasslu biex l-Għawdxin qed jgħixu aħjar, bħal meta din il-gżira, taħt it-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi, kienet iggarantita 10% tal-fondi miksuba mill-Unjoni Ewropea.

Kevin Cauchi, il-Viċi Sindku ta’ Għajnsielem, qal li hemm bżonn li l-Gvern jiddedika aktar riżorsi lejn Għawdex, bħalma dejjem għamel Gvern Nazzjonalista, u mhux iħalli lil din il-gżira b’xejn billi għadu ma għamel l-ebda proġett, ħlief li għadda l-Isptar Ġenerali lill-privat.