Lokali

Survey joħroġ biċ-ċar il-falliment tal-Gvern biex isolvi l-problema tan-nuqqas ta’ akkomodazzjoni soċjali

Il-falliment ta’ Gvern Laburista li jaħseb għal dawk li jinsabu bla saqaf fuq rashom kompliet toħroġ biċ-ċar minn survey li sar minn Malta Today.

Survey li juri kif is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes, responsabbli mill-akkomodazzjoni soċjali f’Malta, kiseb l-agħar prestazzjoni fost is-Segretarji Parlamentari Laburisti.

Bil-Gvern Laburista li għadu ma lestiex appartament wieħed biex iservi bħala akkomodazzjoni soċjali, f’pajjiżna hawn mill-inqas 300 jgħixu f’karozza u 27 persuna li qed jgħixu barra fit-triq. Magħhom jiżdiedu mijiet li jgħixu f’garaxxijiet.

Dan apparti li l-YMCA, li tista’ toffri saqaf għal 30 persuna, ta’ kuljum qed ikollhom ukoll ħames talbiet oħra li jispiċċaw jirrifjutaw.

Is-survey ħareġ ukoll fiċ-ċar il-qasma bejn id-Deputati Laburisti li qed jimmiraw għat-tmexxija tal-Partit Laburista wara Joseph Muscat.

Waqt li fuq quddiem wieħed isib lill-Ministru Ian Borg, isegwuh kemm il-Ministru Chris Fearne kif ukoll Konrad Mizzi.

B’Konrad Mizzi li hu l-favorit ta’ Kastilja għall-pożizzjoni fit-tmexxija tal-partit, jidher li l-kampanja interna li qed issir kontra Chris Fearne qed taħdem, hekk kif dan igawdi inqas appoġġ minn fost il-Laburisti milli jgawdi Konrad Mizzi.

Minkejja dan, jekk wieħed jieħu in konsiderazzjoni l-fatturi kollha tas-survey, Chris Fearne xorta waħda jibqa’ jiżboq fil-popolarità lill-magħżul ta’ Kastilja.