Sport Sport Ieħor

Is-Sibt issir it-22 edizzjoni tal-Gladiators Fight Night

Master Noel Mercieca flimkien ma’ Niclas Elfstedt f’isem Gladiators Promotions ser ikunu qegħdin itellgħu t-tnejn u għoxrin edizzjoni ta’ Gladiators Fight Night is-Sibt 23 ta’ Frar 2019 fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin. Matul dan l-avveniment se jkun hemm madwar ħmistax-il ġlieda ta’ kategoriji differenti. L-atleti Maltin ser ikunu qegħdin jissieltu ma’ kompetituri minn pajjiżi differenti fosthom Franza, l-Italja u Spanja.

L-atleta Faris Lukovic ser ikun qiegħed jissielet għat-titlu Ewropew Semi-Pro kontra l-Ispanjol Juan Antonio Oller Rosillo taħt il-kappa tal-World Kickboxing Network (WKN). Għalkemm Lukovic huwa ta’ dixxendenza barranija, huwa ser ikun qed jirrappreżenta lill-pajjżna f’isem il-klabb tiegħu Fort Fitness.

Apparti numru sostanzjali ta’ kompetituri lokali, wieħed ser ikun jista’ jara ġellieda rinomati Maltin bħal Celeste Galea u Jesred Piscopo mill-Ying Yang Team Noel Kickboxing Club fejn it-tnejn li huma ser iħabbtuha ma’ avversarji Taljani. Avvenimenti bħal dawn saru ta’ importanza kbira f’pajjiżna għaliex joffru esperjenza lil dawk l-individwi li jitħarrġu f’dan l-isport u li jixtiequ jkomplu jsaħħu l-karriera tagħhom.

Matul din il-lejla, dawk preżenti ser ikunu jistgħu jaraw kompetituri minn klabbs differenti fosthom Ying Yang Team Noel, Team Jalen, Basement Kickboxing, Fort Fitness, Malta Thai Boxing, Warriors Kickboxing Academy u Kibishii Michi Kickboxing Club.

Dawk li jixtiequ jattendu jistgħu jagħmlu dan billi jiksbu l-biljetti tagħhom minn għand il-kompetituri, il-klabbs involuti jew billi jikkuntatjaw lil Gladiators Promotions dirett fuq il-paġna ta’ Facebook.