Kunsilli Lokali Lokali

Servizz ġdid għall-komunità Slimiża

Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema nieda servizz ġdid. Servizz ta’ cab immirat lejn anzjani u persuni nieqsin mill-mobilita’ u li m’għandhomx mezzi biex jagħmlu l-qadjiet tagħhom ta’ kuljum.

F’diskors qasir, is-Sindku ta’ Tas-Sliema Anthony Chircop qal li dan is-servizz hu mmirat ukoll għal residenti f’postijiet li mhux milħuqa mit-trasport pubbliku jew is-servizz mhux wieħed ta’ spiss.

Dan il-cab service se jwassal lill-passiġġieri bla ħlas fil-konfini tal-lokalita’, kif ukoll lejn ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira.

Is-servizz hu provdut mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.30a.m. u 12.30p.m.

Anthony Chircop qal li dan hu l-aħħar minn sensiela ta’ servizzi li kienu introdotti jew kienu estiżi matul l-aħħar leġislatura tal-Kunsill Lokali.

L-inizzjattiva saret bl-appoġġ ta’ kumpanija privata li topera supermarkets. Charles Borg, Kap Eżekuttiv ta’ PG Group tkellem dwar l-importanza li l-anzjani jkollhom il-mobilita’ biex kemm jista’ jkun, jibqgħu indipendenti. Hu qal li hu d-dmir tas-soċjeta’ li tieħu ħsieb il-ġenerazzjonijiet ta’ qabel, tismagħhom, tgħożżhom u titgħallem mill-esperjenzi tagħhom.

Residenti jistgħu jibbukkjaw is-servizz billi jċemplu l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali.