Edukazzjoni Lokali

€200,000 sabiex inxtraw it-12-il kontejner li qed jintużaw bħala klassijiet

Il-Gvern issa qed jippjana li jinstalla aktar kontejners li se jservu ta’ klassijiet fl-iskola Sekondarja taż-Żejtun

Kumpanija tal-kostruzzjoni tħallset €200,000 mit-taxxi tal-poplu Malti sabiex il-Ministeru tal-Edukazzjoni jkun jista’ jixtri 12-il kontejner li qed jintużaw bħala klassijiet fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar. Dan għaliex il-proġett ta’ skola ġdida fil-Qawra waqa’ lura b’sentejn.

Dan ħareġ minn tweġiba għal mistoqsija Parlamentari tal-Kelliem għall-Edukazzjoni tal-Oppożizzjoni, Clyde Puli,

Skont din l-informazzjoni, jidher li l-klassijiet mobbli ilhom fis-seħħ għal dawn l-aħħar tliet snin u kienu mixtrija mingħajr offerta minn BAVA Holdings Ltd – kumpanija tal-kostruzzjoni li normalment tuża kontejners simili biex iservu bħala uffiċini f’siti ta’ kostruzzjoni.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ġġustifika l-użu tal-kontejners bħala soluzzjoni temporanja minħabba l-influss f’daqqa tal-popolazzjoni f’San Pawl il-Baħar, l-aktar immigrant.

Fl-2016 l-aġenzija tal-gvern responsabbli għall-bini iskola, l-FTS, ma kenitx ħarġet offerta iżda ntużat sistema ta’ kwotazzjoni biex jinbnew dawn il-klassijiet. Peress li l-ispiża kienet waħda sostanzjali, kien hemm bżonn l-approvazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi.

Skont sejħa ġdida għall-offerti maħruġa mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, il-Gvern issa qed jippjana li jinstalla aktar kontejners li se jservu ta’ klassijiet fl-iskola Sekondarja taż-Żejtun. Milli jidher dawn il-klassijiet mobbli se jintużaw biss għal perjodu qasir sakemm ikunu mibnija faċilitajiet ġodda f’din l-istess skola. L-FTS suppost kellha tibni sular ġdid ta’ klassijiet fuq il-bini eżistenti, iżda jidher li dan ix-xogħol mhux miexi kif pjanat.