Futbol Sport

Harry Kane jaqta’ t-tamiet ta’ Borussia Dortmund li jwettqu rimonta

(Ritratt: EPA)

BORUSSIA DORTMUND……….. 0

R. Bürki, M. Wolf (J. Bruun Larsen 62’), M. Akanji, J. Weigl, A. Diallo, A. Witsel, J. Sancho, M. Reus (T. Delaney 74’), M. Götze, R. Guerreiro (C. Pulisic 62’), F. Alcacer

TOTTENHAM……………………….. 1

H. Lloris, T. Alderweireld, D. Sanchez, J. Vertonghen, S. Aurier, H. Winks (E. Dier 55’), M. Sissoko, B. Davies, C. Eriksen (D. Rose 83’), H.M. Son (E. Lamela 71’), H. Kane

Skorja: H. Kane 49’ (T)

Referee: Danny Makkelie (Olanda)

Gowl fil-bidu tat-tieni taqsima qata’ t-tamiet ta’ Borussia Dortmund li jagħmlu rimonta, hekk kif  Tottenham rebħu t-tieni leg ukoll 1-0 biex għaddew b’aggregate ta’ 4-0.

Fl-ewwel taqsima, Borussia Dortmund iddominaw il-pussess u kellhom diversi opportunitajiet ta’ skor, iżda ma rnexxielhomx isibu x-xibka. Tottenham kienu difensivi u ddefendew għal ħafna ħinijiet, b’Hugo Llloris ikun strumentali.

Borussia Dortmund kellhom ċans tajjeb wara kwarta meta Paco Alcacer irċieva ballun tajjeb iżda kien issikkat u l-konklużjoni tiegħu minn qagħda tajba ntemmet fuq il-lasta. Il-gowlkiper ta’ Tottenham Hugo Lloris kien providenzjali fit-33 minuta biex b’mod brillanti salva xutt imdawwar ta’ Mario Götze. Ftit sekondi wara xutt ta’ Marco Reus għadda ftit għoli.

Wara taqsima jsofru, Tottenham ħadu ċ-ċans tagħhom fit-48 minuta b’Moussa Sissoko jgħaddi vertikalment lejn HARRY KANE li għeleb in-nasba tal-offside biex għeleb lil Roman Bürki, gowl li qatel it-tamiet tal-Ġermaniżi. Dortmund pruvaw li jidħlu fil-logħba iżda d-difiża ta’ Tottenham baqgħet attenta u kkontrollat kull sforz tal-avversarji li aktar ma għadda l-ħin naqset it-tama li ta’ rimonta.