Lokali

Il-Karnival spontanju f’Ħal Għaxaq

Għaqda waħda bejn ir-residenti ta’ Ħal Għaxaq għal jiem ta’ briju, ferħ u kostumi – il-karnival spontanju tal-Għaqxin.

Għal sena oħra, dan il-karnival kien jikkonsisti minn diversi kostumi oriġinali li l-idea tagħhom ġiet b’mod spontanju.

Net News tkellem ma’ persuna li bla dubju ta’ xejn kellu kostum oriġinali – persuna li hu magħruf minn sħabu bħala wieħed li ta’ kull sena jkollu madwar tliet kostumi tal-karnival – wieħed għal kull ġurnata. Hu spjegalna fuq it-tradizzjoni tal-karnival ġewwa Ħal Għaxaq.

F’dan il-karnival kien hemm ukoll numru ta’ karrijiet – uħud minnhom pjuttost żgħar magħmulin mill-immaġinazzjoni tat-tfal, filwaqt li oħrajn huma ta’ daqs ikbar b’diversi temi.

Net News tkellem ma’ residenti Għaxqin li fi ftit jiem ħolqu l-karrijiet tagħhom.

Dan il-karnival huwa uniku fost oħrajn għal tradizzjoni li jġib miegħu sa mis-seklu 19 – diversi nies li jmorru jixorbu ġo ħanut tax-xorb matul is-sena, għall-karnival jilbsu kostum u sħabhom jipprovaw jaqtgħu minn hemm taħt il-kostum.

It-tradizzjoni tkompli li min ma jaqtax ikollu jħallas grokk lill-persuna l-oħra – tradizzjoni li sfortunatament qiegħda tispiċċa.

Il-karnival spontanju ta’ Ħal Għaxaq jibqa’ għaddej sa nhar it-Tlieta hekk kif numru ta’ karrijiet żgħar jinżlu mill-Furjana għal Ħal Għaxaq fejn ikompli l-briju ġewwa l-pjazza ta’ dan ir-raħal.