Futbol Sport

Joachim Löw jiddeċiedi li jneħħi tliet plejers stabbiliti mit-tim nazzjonali Ġermaniż

Joachim Löw (Ritratt: EPA)

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Ġermaniż Joachim Löw qal lil Jerome Boateng, Mats Hummels u Thomas Müller li ma għandux il-ħsieb li jagħżilhom darba oħra mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżhom.

Id-difensuri Boateng u Hummels għandhom 30 sena filwaqt li Müller hu sena iżgħar minnhom. It-tliet plejers ta’ Bayern Munich lagħbu kważi 250 logħba bejniethom u għenu lit-tim Ġermaniż biex jirbaħ it-Tazza tad-Dinja fl-2014. Iżda l-Ġermanja kienet eliminata fil-fażi tal-gruppi fl-aħħar Tazza tad-Dinja u kienet relegata fin-Nations League.

“Is-sena 2019 hi s-sena ta’ bidu ġdid għat-tim nazzjonali Ġermaniż. Irridu nagħtu wiċċ ġdid lit-tim u konvint li dan hu l-pass it-tajjeb. Il-plejers żgħażagħ se jkollhom l-ispazju li għandhom bżonn biex jiżviluppaw u issa jridu jieħdu r-responsabbiltà,” qal Löw.

Jerome Boateng lagħab 76 logħba u skorja gowl filwaqt li Mats Hummels skorja ħames gowls f’70 logħba. Thomas Müller lagħab 100 logħba mat-tim nazzjonali u skorja 38 gowl li biha jinsab fid-disa’ post fil-klassifika tal-aqwa skorers.

Dawn it-tliet plejers lagħbu fit-telfa ta’ 3-0 kontra l-Olanda fit-13 ta’ Ottubru, f’dik li kienet l-aħħar logħba li lagħbu fiha. Tlett ijiem wara huma kienu megħluba minn Franza u b’hekk il-Ġermanja sofriet sitt telfa f’sena kalendarja għall-ewwel darba, kif ukoll tilfet żewġ telfiet konsekuttivi f’logħbiet kompetittivi għall-ewwel darba mis-sena 2000.

L-impenn li jmiss tal-Ġermanja hu fl-20 ta’ Marzu f’partita ta’ ħbiberija kontra s-Serbja f’Wolfsburg qabel jiftħu l-impenji fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew erbat ijiem wara kontra l-Olanda. Il-President tal-Federazzjoni Ġermaniża Reinhard Grindel faħħar il-mod kif Löw qed jibdel it-tim u saħaq li bħalissa hu ż-żmien opportun li jkun hemm bidliet fil-plejers.