Futbol Sport

Gowls kmieni f’kull taqsima jikkundannaw lit-tim Malti

(Ritratt: Joe Borg)

ŻVEZJA………… 3 MALTA………… 0

Żvezja: R. Olsen, M. Lustig, P. Jansson, F. Helander, L. Augustinsson, E. Forsberg, K. Olsson, A. Ekdal (S. Larsson 77’), V. Claesson, R. Quaison (J. Guidetti 85’), M. Berg (A. Isak 68’)

Malta: H. Bonello, Z. Muscat, S. Borg (F. Apap 80’), A. Agius, J. Mbong, J. Corbalan, R. Muscat, L. Gambin, J. Grech (P. Fenech 64’), A. Effiong, L. Montebello (K. Nwoko 71’)

Imwissija: L. Montebello 35’ (M)

Skorjaw: R. Quaison 2’, V. Claesson 50’, A. Isak 81’ (Ż)

Referee: Rob Harvey (Irlanda)

Assistenti Referees: Wayne McDonnell (Irlanda), Mark Gavin (Irlanda)

Gowls fil-bidu tal-logħba u fil-bidu tat-tieni taqsima kkundannaw lit-tim nazzjonali Malti għat-tieni telfa fi Grupp F. Għalkemm ir-riżultat hu li hu u telfa hi telfa irrelevanti mill-iskor, it-tim Malti f’mumenti fil-logħba prova jilgħab il-ballun u jattakka kif seta’, iżda żewġ gowls daqshekk kmieni qatgħu saqajn lit-tim Malti. Fuq in-naħa l-oħra, kien hemm mumenti fil-logħba li l-Iżvediżi kienu qed jiddominaw u setgħu anki spiċċaw il-logħba b’distakk akbar li kieku ma kienx għal Henry Bonello li flimkien ma’ Joseph Mbong kienu fost l-aħjar.

Il-kowċ Malti Ray Farrugia żamm il-bażi tas-sistema flessibbli li uża fl-ewwel żewġ logħbiet ta’ dan il-grupp. Andrei Agius, captain għall-ewwel darba, kien flimkien ma’ Steve Borg fid-difiża bl-għajnuna ta’ Zach Mizzi filwaqt li mal-linji Joseph Mbong lagħab fuq ix-xellug u Juan Corbalan lagħab fuq il-lemin. Rowen Muscat beda fil-pożizzjoni tipika quddiem id-difiża filwaqt li Jake Grech ngħata l-fiduċja biex jibda mill-bidu, b’Luke Gambin ikun ftit aktar avvanzat f’nofs il-grawnd filwaqt li Alfred Effiong u Luke Montebello bdew fl-attakk.

L-Iżvediżi ma setax kellhom bidu aħjar hekk kif fetħu l-iskor wara żewġ minuti. Kien kross mil-lemin ta’ Kristoffer Olsson lejn Marcus Berg li b’daqqa ta’ ras ġiegħel lil Henry Bonello jsalva b’mod brillanti fuq il-linja, iżda l-ballun spiċċa għand ROBIN QUAISON li skorja mill-viċin. Wara din il-ħasda, it-tim Malti beda jistejqer u jilgħab ftit aktar il-ballun. Fl-għaxar minuta waslet okkażjoni bi free-kick mid-distanza ta’ Andrei Agius li għadda ftit għoli.

L-Iżvediżi marru qrib li jirduppjaw ħames minuti wara bi free-kick ta’ Emil Forsberg li ħasad lil Bonello iżda l-gowlkiper Malti kien attent u dawwar f’korner. Tliet minuti wara, Forsberg reġa’ kien attiv meta qabeż lil Juan Corbalan u qassam lura lejn Ludwig Augustinsson iżda x-xutt tiegħu għadda għoli.

Henry Bonello reġa’ kien providenzjali fil-25 minuta meta ntefa’ fuq ix-xellug tiegħu biex salva xutt bid-dawra ta’ Marcus Berg. Għaxar minuti wara, Forsberg prova bi free-kick li kien salvat parzjalment minn Bonello, bl-azzjoni tkompli u d-daqqa ta’ ras ta’ Quaison għaddiet ftit barra. It-tim Malti temm l-ewwel taqsima fuq l-attakk bi kross mix-xellug isib lil Alfred Effiong li kellu d-daqqa ta’ ras perikoluża indirizzata fil-lasta mdawra f’korner minn Robin Olsen.

It-tieni taqsima fetħet bħall-ewwel waħda fejn it-tim Malti sofra mill-istess problema li seħħet diversi drabi waqt ħafna logħbiet. L-Iżvediżi rduppjaw fil-50 minuta meta Berg irċieva ballun fit-tul u ngħata l-ispazju biex bit-takkuna fetaħ fuq ix-xellug lejn l-iżmarkat VIKTOR CLAESSON li antiċipa l-ħarġa ta’ Bonello u skorja b’konklużjoni għar-rokna.

It-tim ta’ Farrugia beda jinqabad aktar drabi, b’azzjoni minnhom fil-55 minuta li fih ix-xutt ta’ Forsberg għadda ftit għoli. It-tim Malti baqa’ jikkontrolla kif seta’ iżda l-Iżvediżi komplew juru s-superjorità tagħhom b’Henry Bonello jibqa’ impenjat.

L-Iżvediżi għamluhom 3-0 fil-81 minuta meta Bonello salva parzjalment xutt fil-baxx ta’ Emil Forsberg, Zach Muscat prova jbiegħed il-periklu iżda l-ballun spiċċa għand is-sostitut ALEXANDER ISAK li kkontrolla u skorja b’xutt fir-rokna.