Lokali

Ikomplu l-appelli biex jinħelsu l-El Hiblu 3

Is-Sibt filgħodu, grupp ta’ attivisti ngħaqdu flimkien fil-Belt Valletta f’għajta waħda sabiex jinħelsu l-El Hiblu 3 – Kader, Amara and Abdalla – it-tliet żgħażagħ li jinsabu akkużati b’reati ta’ terroriżmu u ħtif ta’ vapur fl-2019, bil-piena mdendla fuq rashom ta’ massimu ta’ 30 sena ħabs.

Il-każ imur lura għal Marzu tal-2019, meta l-bastiment merkantili El Hiblu salva 108 persuni minn fuq dgħajsa.

Madankollu, ftit wara s-salvataġġ, il-membri tal-ekwipaġġ tal-bastiment ħadu d-deċiżjoni li jieħdu lin-nies abbord lura lejn il-Libja, bil-persuni oġġezzjonaw bis-sħiħ għal dan.

Sussegwentament, fit-28 ta’ Marzu ta’ 4 snin ilu, l-El Hiblu daħal Malta u l-Forzi Armati ta’ Malta telgħu fuq il-vapur hekk kif resaq lejn l-ibħra lokali.

It-tliet iż-żgħażagħ – li dak iż-żmien kellhom 15, 16, u 19-il sena ġew arrestati minnufih u bdew jaffaċjaw akkużi ta’ reati li jammontaw għal attività terroristika.

It-tlieta li huma kienu wieġbu li aġixxew biss bħala medjaturi, u wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Waqt id-demostrazzjoni li saret quddiem il-Qorti, Christine Cassar mill-Moviment Graffitti fakkret fid-dritt bażiku umanitarju li jgħid li kull uman li qed ifittex protezzjoni għandu d-dritt għal protezzjoni legali u immunità mill-Prosekuzzjoni.

Min-naħa tagħha, Regine Psaila, mill-African Media Association, appellat lill-Gvern biex jassigura li n-nies ikunu rispettati.

Min-naħa tagħha, Cetta Mainwaring mill-Free the El Hiblu 3 Campaign appellat lill-Avukat Ġenerali biex iwaqqa’ l-akkużi kontra l-El Hiblu 3.

B’kollox f’din id-demonstrazzjoni ipparteċipaw 22 organizzazzjoni mhux governattiva, fosthom Repubblika, Moviment Graffitti, Free the El Hiblu 3 Campaign u African Media Association.