Lokali

Rekord: Aktar minn 7 miljun ewro jinġabru waqt l-Istrina 2018

F’maratona ta’ madwar 12-il siegħa tal-Istrina, inġabru rekord ta’ €7,135,035 sa nofsillejl.  Din hija l-akbar somma li qatt nġabret fl-istorja ta’ 20 sena kemm ilha tittella’ din il-festa annwai ta’ solidarjetà tal-Istrina mill-Malta Community Chest Fund Foundation.

Fi tmiem l-Istrina, il-President Marie Louise Coleiro Preca irringrazzjat lill-Maltin u l-Għawdxin li urew li dan huwa poplu uniku li ngħaqad biex jgħożż il-valuri ta’ missirijietna li jimpurtahom minn dawk li jinsabu fil-bżonn.

Filwaqt li l-Istrina ġiet organizzata fil-Padiljun Sportiv ta’ Ħal Kirkop, preżenti għall-ftuħ tal-Istrina kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fejn għamel l-appell tiegħu.

Wara li wieġeb it-telefonati, tkellimna mal-Kap tal-Oppożizzjoni fejn qalilna li għalih l-Istrina hija taħlita ta’ min għaddej minn tbatija, tfal li għaddejjin minn kollox iżda qedgħin jieħdu sehem fl-Istrina biex jgħinu lil ħaddieħor.  Huwa kompla jgħid li ġġiegħelek titbissem meta tisma’ lin-nies iċemplu u jagħtu mill-ftit li għandhom u tara lil Malta u Għawdex kollha jiftħu qalbhom sabiex jgħinu.

Net News tkellem ukoll ma’ Megan Portelli tifla ta’ 13-il sena li telgħet l-isptar Londra aktar minn 30 darba, iżda fadlilha aktar operazzjonijiet x’tagħmel.

Hija qaltilna li mn’alla kienet l-Istrina għaliha għax kieku ma kinitx tkun possibli titla ta’ spiss Londra. Bagħtet ukoll l-appell biex kulħadd iċempel sabiex jgħin lilha u lil tfal oħra bħalha.

Tard waranofsinhar l-Amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista preżentaw ċekk ta’ €1,000 b’donazzjoni lill-Istrina.

Matul l-Istrina diversi personalitajiet, fosthom politiċi, libsu kostumi u kantaw jew żifnu ma’ kanzunetti popolari b’risq din il-kawża.

Din kienet l-aħħar edizzjoni tal-Istrina taħt il-patroċinju ta’ Marie Louise Coleir Preca hekk kif ftit tax-xhur oħra ttemm il-kariga tagħha bħala President.