Lokali

Nolan Farrugia kien sejjer lejn ix-xogħol – jagħlaq temporanjament ir-ristorant fejn kien jaħdem

It-telfa taż-żagħżugħ ta’ 21 sena Nolan Farrugia, f’inċident fatali bil-mutur, ixxukkjat lis-Siġġiewi u lil dawk kollha li kienu jafuh.

Farrugia kien qed isuq mutur tat-tip Kymco fid-direzzjoni lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn jaħdem f’ristorant. Kien għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu li nqabad taħt trakk taż-żibel li kien sejjer fl-istess direzzjoni.

Farrugia kien attiv fil-komunità tiegħu, fost oħrajn bl-involviment tiegħu fil-grupp tal-abbatini tas-Siġġiewi kif ukoll fil-grupp taż-żgħażagħ tal-istess lokalità.

Fost il-kummenti ta’ dawk  qrib tiegħu, hu kien imfakkar bħala ħabib, żagħżugħ ferrieħi li dejjem bid-daħqa fuq wiċċu. Dan jixhduh ukoll ritratti fuq il-midja soċjali, fejn jidher jiċċajta fost sħabu.

Sadattant ir-ristorant Vecchia Napoli fi Skyparks, fejn kien jaħdem Nolan, għalaq ftit tal-ħin wara li sar magħruf li hu kien il-vittma tal-inċident.

Dan b’rispett lejn il-qraba tiegħu u fost ix-xokk tal-kollegi tiegħu.

https://www.facebook.com/vecchianapolimalta/posts/2591068624267443