Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Imħeġġa sforzi akbar kontra t-theddida tad-drones fl-ajruporti

Il-Kummissarju tal-Pulizija Metropolitana qed tħeġġeġ biex il-Gvern u l-uffiċjali tas-sigurtà jżidu l-impenji għal kontra l-użu illegali ta’ drones fl-ajruporti. Dan wara l-aħħar attività bid-drones li kaġunat il-kaos fl-ajruport ta’ Gatwick, f’Londra, fil-jiem ta’ qabel il-Milied.

Wara l-preżenza tad-drones, għal tlett ijiem konsekuttivi, fit-tieni l-akbar ajruport tar-Renju Unit, il-Kummissarju Cressida Dick spjegat li l-ebda qawwa tal-pulizija fid-dinja ma tista’ taċċerta li ‘din il-problema mhix se tinqala għall-għarrieda fi kwalunkwe ajruport’.

Hi sostniet li l-Gvern ‘u ċertament il-pajjiż kollu’ ħa nota tal-inkonvenjent kbir li batew il-passiġġieri minħabba l-azzjonijiet bid-drones f’Gatwick u, għaldaqstant, l-awtoritajiet ikkonċernati jridu jaddottaw u jintroduċu sistemi aktar effettivi għal kontra t-theddida.

L-aħħar azzjonijiet bid-drones fl-ajruport ta’ Gatwick wasslu biex jitħassru madwar elf titjira, fost l-intoppi għal 140,000 persuna li riedu jivvjaġġaw bl-ajruplan fl-aktar żmien attiv tas-sena. L-inċident ta’ qabel il-Milied mifhum bħala ‘l-aktar wieħed ta’ dan it-tip li qatt ħoloq il-kaos għall-passiġġieri u l-operaturi tat-titjiriet’.

Id-drones kienu ntlemħu għall-ewwel darba f’Gatwick fid-19 ta’ Diċembru u kull darba li l-awtoritajiet tal-ajruport ippruvaw jerġgħu jiftħu l-mitjar għat-titjiriet, id-drones ‘irritornaw’ biex jinterrompu l-iskeda tal-ġurnata.

Kien biss ladarba l-Armata stazzjonat it-teknoloġija militari madwar il-mitjar ta’ Gatwick li l-awtoritajiet ħadu mill-ġdid il-kontroll, bit-titjiriet ikomplu fost il-problemi.

Intant, il-Ministru tas-Sigurtà Britanniku, Ben Wallace, qal li l-qawwiet tas-sigurtà ta’ pajjiżu issa għandhom is-sistemi (detection systems) li kapaċi jkunu stazzjonati madwar ir-Renju Unit biex jilqgħu għat-theddida tad-drones.