Lokali

Ġest nobbli mix-xufiera tat-taxis

Il-ġurnata tal-lum kienet waħda differenti mis-soltu għal 75 xufier tat-taxis il-bojod. Dan għaliex flok ma ħarġu bil-karozzi tagħhom għal ġurnata xogħol bħas-soltu, ħarġu biex iferrħu aktar minn mitejn tifel u tifla li minħabba problemi differenti jgħixu ‘lil hinn mill-familji tagħhom. Dawn it-tfal sabu familja oħra f’ċentri u djar differenti fejn jgħixu.

Hija tradizzjoni li x-xufiera tat-taxis, fi żmien il-Milied, joħorġu jferrħu lil dawn it-tfal, u għal ġurnata sħiħa jdawruhom minn post għall-ieħor madwar Malta. Bla dubju ta’ xejn li t-tfal ikunu qed jistennew li tasal din il-ġurnata tant speċjali għalihom.

Il-‘Malta Taxi Charity Ride’ ilha tiġi organizzata għal 36 sena. Il-preparazzjonijiet ta’ dawn ix-xufiera għal din il-ġurnata jkunu ilhom għaddejjin. Ġurnata li bdiet bi żjara fl-Esplora Science Centre fejn wara kellhom iċ-ċans li jiddevertu flimkien fl-Isplash and Fun Park. Wara huma komplew il-vjaġġ tagħhom fit-taxis fejn wasluhom fil-Lufthansa Technik għal riċeviment kbir fejn kellhom żjara mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.

Għal dawn it-tfal din il-ħarġa saret tradizzjoni ta’ kull sena. Iżda mhux għat-tfal biss… għax tkun għafsa ta’ qalb għax-xufiera li fl-aħħar tal-jum, ikollhom jaraw lil dawn it-tfal jirritornaw lura fiċ-ċentri u d-djar fejn jgħixu.

Tags