Lokali

L-Attività ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena

Fil-31 ta’ Diċmbru se jsiru ċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena fil-belt Valletta. Dettalji ta’ dawn iċ-ċelebrazzjoijiet ingħataw f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fi Pjazza San Ġorġ.

Għal darb’oħra l-palk prinċipali se jkun f’din l-istess pjazza, fejn se jkun hemm il-parteċipazzjoni ta’ wħud mill-aqwa artisti lokali. Id-dħul għal dan il-kunċert huwa bla ħlas. Id-duo lokali Xarulù se jagħtu bidu għas-serata segwiti minn waħda mill-akbar artisti f’pajjiżna, Ira Losco, akkumpanjata mill-band tagħha.

Ira Losco se tkun qed tkanta l-aktar kanzunetti popolari fir-repertorju tagħha, fosthom What I’d Give, Me Luv U Long Time u l-kanzunetta l-ġdida tagħha One in a Million. Corazon Mizzi u Owen Bonnici se jkunu l-preżentaturi matul is-serata.

L-ispettaklu se jkun mifrux fi Pjazza San Ġorġ u anke fit-toroq l-oħra tal-Belt inkluż quddiem il-Qorti u fi Pjazza Teatru Rjal sabiex kulħadd ikun jista’ jkun parti minn din iċ-ċelebrazzjoni.

Wara l-kunċert ta’ Ira Losco, DJ Pierre Cordina se jkun qed idoqq taħlita tal-aqwa kanzunetti tal-2018, li se jwasslu għall-countdown ftit sekondi qabel it-tokki ta’ nofsillejl. DJ Mykill se jagħlaq is-serata, akkumpanjat minn trumbetti live.

Ma jonqsux l-effetti speċjali fuq il-palk u l-murtali, sinonimi ma’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, li se jilqgħu s-sena l-ġdida f’atmosfera maġika u kkulurita.

Dakinhar, is-servizz tal-park and ride tal-Furjana kif ukoll is-servizzi tal-karozzi tal-linja u l-ferry services lejn u mill-Belt Valletta se jiġu estiżi sas-2 ta’ filgħodu.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta qed jiġu organizzati mill-Fondazzjoni Valletta 2018, b’kollaborazzjoni ma’ G7 Events, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Ministeru għat-Turiżmu, u l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.