Internazzjonali

Spanja: Jaslu l-immigranti li ma ntlaqgħux mill-Italja u Malta

Il-bastiment bl-isem Open Arms li qed jintuża għall-missjonijiet umanitarji wasal fi Spanja b’aktar minn 300 immigrant li kienu salvati ‘il hinn mil-Libja u li kellhom iqattgħu l-Milied fuq il-baħar.

Il-Gvern Spanjol awtorizza lil dan il-bastiment biex jidħol fl-ibħra territorjali tiegħu wara li l-Italja u Malta rrifjutaw li jaċċettaw lill-immigranti inkwistjoni.

Il-bastiment, li qed jitmexxa mill-entità karitatevoli Spanjola Proactiva Open Arms, issa tefa’ l-ankri fil-port ta’ San Roque, qrib Algeciras u viċin it-territorju ta’ Ġibiltà.

Dan wara li l-immigranti ta’ fuqu kienu ġew salvati minn tliet opri tal-baħar oħra fil-21 ta’ Diċembru li għadda u li, imbagħad, ma tħallewx jidħlu fil-portijiet tal-Italja u Malta.

L-immigranti inkwistjoni ġejjin fil-parti kbira mis-Somalja, in-Niġerja u l-Mali u fi tmiem il-ġimgħa, ħelikopter kien wassal mara li kienet welldet fuq il-bastiment Open Arms (flimkien mat-tarbija tagħha) lejn Malta.