Futbol Sport

Il-Bord tal-Protesti tal-MFA jilqa’ l-protest ta’ St. Andrews kontra Floriana iżda mhux ta’ Qormi kontra Birkirkara

(Ritratt: Matthew Tabone)

Il-punt li St. Andrews kisbu kontra Floriana fil-logħba li ntlagħbet fit-8 ta’ Diċembru li għadda fis-Centenary Stadium saru tlieta, hekk kif il-Bord tal-Protesti tal-MFA laqa l-protest li St. Andrews għamlu b’rabta ma’ din il-logħba.

St. Andrews kienu tefgħu protest wara li Floriana kellhom 17-il plejer fuq il-bank b’sebgħa minnhom barranin. Dan fisser li Floriana ma kellhom il-11-il plejer meqjusa homegrown fit-tim għal dik il-logħba.

B’konsegwenza ta’ dan, il-Bord tal-Protesti ltaqa’ u ddeċieda li jilqa’ l-protest biex id-draw ta’ mingħajr gowls inbidel f’rebħa ta’ 3-0 għal St. Andrews. B’dawn iż-żewġ punti miżjuda u l-punt mnaqqas ta’ Floriana, St. Andrews issa telgħu b’16-il punt fit-tmien post tal-klassifika tal-Kampjonat Premier, punt aktar mill-istess Floriana u Tarxien Rainbows.

Jekk il-protest ta’ St. Andrews intlaqa’ mhux l-istess jista’ jingħad għal Qormi. L-argumentazzjoni tal-protest kien ibbażat fuq l-istess sitwazzjoni ta’ St. Andrews, iżda d-difiża ta’ Birkirkara kienet dik differenti.

Dan minħabba li Birkirkara argumentaw li huma kellhom 18-il plejer fil-lista u 11-il plejer homegrown wara li Michael Mifsud li suppost kellu jibda, weġġa’ ftit qabel il-logħba u l-klabb Karkariż bidel il-formazzjoni inizjali iżda fi stqarrija kienu qalu li Mifsud kien fuq il-bank iżda ma deherx fil-line-up.

B’hekk f’dan il-każ, ir-riżultat tal-logħba li ntlagħbet fis-7 ta’ Diċembru u li  Birkirkara rebħu 2-1 baqa’ validu. Birkirkara żammew l-24 punt u baqgħu fis-sitt post filwaqt li Qormi baqgħu fil-qiegħ tal-klassifika ma’ Senglea Athletic b’erba’ punti.

FLORIANA – L-attakkant Brażiljan ta’ 26 sena Juninho Cabral mhux mistenni li jibda t-tieni rawnd ma’ Floriana hekk kif laħaq ftehim mal-klabb biex jinħall mill-kuntratt tiegħu.

Cabral kien ingħaqad ma’ Floriana fl-istaġun 2015/2016 u fl-istaġun ta’ wara lagħab ma’ Senglea Athletic b’self fl-Ewwel Diviżjoni. Fl-istaġun li għadda Juninho Cabral reġa’ kien parti mit-tim Furjaniż u lagħab l-ewwel nofs ta’ dan l-istaġun. F’dan il-kampjonat hu skorja tliet gowls fi 11-il logħba.