Kultura

Il-Banda L-Unjoni fil-Palazz Irjali ta’ Palermo

Is-Soċjeta’ Filarmonika L-Unjoni ta’ Ħal Luqa kienet mistiedna sabiex ittella’ kunċert mużikali fil-Palazz Rjali ta’ Palermo, il-bini tal-Assemblea Regionale Siciliana, il-Parlament Reġjonali ta’ Sqallija.

Dan il-kunċert, li sar fis-‘Sala Piersanti Mattarella’, ittella’ sar biex jimmarka l-parteċipazzjoni ta’ Malta f’esebizzjoni tal-arti dwar Santa Rosalia li qed tittella’ fil-bini tal-Parlament Sqalli mill-Fondazzjoni Federico II.

Santa Rosalia hi l-patruna prinċipali ta’ Palermo u Malta qed tipparteċipa f’din l-esebizzjoni permezz ta’ pittura tal-istess qaddisa. Pittura li hi xogħol Mattia Preti u tinsab fil-knisja ta’ Sarria, il-Furjana. Il-pittura kienet ittelgħet f’Palermo f’Awwissu li għadda.

Il-kunċert kien jikkonsisti f’mużika miktuba minn kompożituri Maltin u Taljani u kien taħt id-direzzjoni tas-Surmast John David Zammit.

Qabel dan il-kunċert, il-Kumitat u l-mużiċisti tas-Soċjeta’ Filarmonika L-Unjoni ltaqgħu mas-Sindku ta’ Palermo Prof. Leoluca Orlando u anke mal-President tal-Assemblea Regionale Siciliana Gianfranco Miccichè.

Waqt kelmtejn tal-okkażjoni ż-żewġ mexxejja saħqu fuq is-similirtajiet bejn iż-żewġ gżejjer, speċjalment mil-lat kulturali u tradizzjonali.

 

Din kienet it-tieni mawra barra minn xtutna tal-Banda L-Unjoni, bl-ewwel mawra tkun fis-sena 1997 meta l-Banda kienet marret f’Amalfi u fil-Vatikan.