Lokali Temp

“Is-snin bħall-aħwa: ma jixxibhux”? Uħud ibassru l-irwiegel għall-2019

Il-Port ta' Marsamxett

“Is-snin bħall-aħwa: ma jixxibhux”, u ħafna jixtiequ li t-tbassir tal-irwiegel għas-sena d-dieħla mhux minnu, b’oħrajn jittamaw li forsi tagħmel ftit aktar xita milli dak imbassar.

Dan hekk kif is-sit FirstMalta.com ħabbar l-irwiegel għas-sena d-dieħla, ibbażat fuq it-temp li ġie osservat bejn it-13 u l-24 ta’ Diċembru. Kull ġurnata tikkorrispondi lejn xahar partikolari tas-sena ta’ wara. Minn dawn il-ġranet, is-sena dieħla dejjem skont l-irwiegel qisha se tkun waħda pjuttost xotta u mhux mistennija tagħmel wisq xita.

Mill-osservazzjonijiet tat-temp li għamel FirstMalta fuq  dawn it-tnax-il ġurnata, ħabbar li Jannar se jkun bla xita. L-istess Frar li qisu mhux se jfawwar il-bjar, kuntrarju għal dak li jgħid il-qawl Malti, għax mistenni jkun xott ukoll. Dan hekk kif nhar it-13 u l-14 ta’ Diċembru ma għamlitx xita.

Marzu iżda mistenni jkun pjuttost kiesaħ b’xi ftit ħalbiet tax-xita u b’riħ qawwi hekk kif nhar il-15 ta’ Diċembru għamlet ix-xita u kien ir-riħ.

Għall-kuntrarju, April mistenni jkun bla xita iżda pjuttost kiesaħ waqt li f’Mejju t-temperaturi mistennija jerġgħu jibdew telgħin u f’Ġunju mistennija ftit xita.

Lulju se jkun xahar sħun u skont l-irwiegel Awwissu mistenni jkun xott u sħun filwaqt li f’Settembru mistennija ħalbiet tax-xita. Ottubru jingħad li se jkun bla xita u se relattivament sħun. Novembru u Diċembru mistennija jkunu bla xita u anki mqabblin mas-snin ta’ qabel se jkunu xhur b’anqas kesħa.

Illum iżda ħafna huma tal-fehma li l-irwiegel ma jaħdmux minħabba l-bidliet fil-klima li għaddejja minnhom id-dinja.

Jekk nimxu skont l-irwiegel is-sena d-dieħla se tkun waħda xotta. Kif jgħid il-Malti f’qawl perfett għal din is-sitwazzjoni: “Jekk is-sena tkun ħażina l-muna taf tkun imgerfxa”. Dan ifisser, kif il-bdiewa jħobbu jgħidu, li jekk is-sena se tkun xotta, l-ikel se jkun skars u l-ħażna se tkun fqira, u jekk l-irwiegel jbassru dan, ifisser li se tkun sena iebsa għal dan kollu.