Internazzjonali

Qawwiet tal-Houthi jirtiraw minn belt ewlenija fil-Jemen

Il-qawwiet tal-Houthi fil-Jemen bdew jitrasferixxu lill-ġellieda tagħhom mill-port ta’ Hodeidah, li jmiss mal-Baħar l-Aħmar, bħala parti minn ftehim għall-paċi sponsorjat min-Nazzjonijiet Uniti u li kien iffirmat fl-Iżvezja aktar kmieni dan ix-xahar.

Dan meta l-Houthi, li huma alleati tal-Iran, waslu fi qbil mal-Gvern tal-Jemen (appoġġjat mill-Arabja Sawdija) rigward l-implimentazzjoni ta’ waqfien mill-ġlied fil-provinċja ta’ Hodeidah, kif ukoll għall-irtirar tal-qawwiet rispettivi.

Is-sorsi tan-NU li qed isegwu l-iżviluppi qalu li kollox deher miexi skont il-pjan iżda uffiċjali militari tal-Gvern tal-Jemen qalu li jridu ż-żmien biex jaraw jekk l-avversarji Houthi ‘humiex tassew qed jirtiraw miz-zoni stabbiliti’.

Skont it-termini tal-ftehim, numru ta’ osservaturi internazzjonali se jkunu stazzjonati fl-inħawi ta’ Hodeidah. Fl-istess ħin, Kumitat għall-Kordinazzjoni, bir-rappreżentanza tal-partijiet interessati, se jieħu ħsieb l-implimentazzjoni tal-ftehim, bil-laqgħat ta’ dan il-kumitat se jibdew fil-jiem li ġejjin.

Ir-rapporti qalu, intant, li l-qawwiet tal-Houthi li kienu ilhom jikkontrollaw il-belt u l-port ta’ Hodeidah bdew ‘ir-rilokazzjoni’fil-lejl tal-Ġimgħa ‘u skont il-qbil tal-Iżvezja’.

L-irtirar mistenni jkun l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tal-ftehim u qabel ‘in-naħat avversarji kollha’ joħorġu lill-qawwiet rispettivi mill-belt u l-madwar.

Il-ftehim dwar il-Jemen kien l-ewwel żvilupp kbir fl-isforzi tal-paċi għal dan il-pajjiż f’ħames snin — minbarra li jinkwadra fil-miżuri intenzjonati għal qafas ta’ ftehim ‘aktar wiesgħa u konkret’ bil-għan li jevita l-ġlied waqt li jippermetti għal negozjati politiċi.