Internazzjonali

Lejn nefqa ta’ 100 miljun Sterlina fuq il-‘ferries’ f’każ ta’ Brexit bla ftehim

Il-Gvern tar-Renju Unit għandu jonfoq aktar minn 100 miljun Sterlina fuq chartering tal-ferries tal-baħar addizzjonali, bil-għan li jtaffi l-konġestjoni tat-traffiku mill-Kanal Ingliż f’każ li l-Britanniċi ma jaslux għal ftehim kummerċjali ma’ Brussell qabel jitilqu mill-Unjoni Ewropea, f’Marzu.

Meta l-konklużjoni tal-Brexit qed tavviċina, il-potenzjal li r-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim aktar, kulma jmur, qiegħed jikber. Intant, ix-xenarju potenzjali ta’ ‘no-deal Brexit’ hu inkwetanti ferm għal ħafna negozji u entitajiet kummerċjali Britanniċi li qegħdin jipprepraw minn issa ‘għax-xokk ekonomiku’.

Intant, f’dan ix-xenarju jkunu meħtieġa aktar ferries għal rotot ġodda minn tarf tal-Kanal għal ieħor u f’każ ta’ moviment staġnat (b’kaġun ta’ proċeduri doganali) fit-terminal ewlieni ta’ Calais, fi Franza u t-terminals ta’ Dover u Folkstone, fir-Renju Unit.

Filwaqt li l-isħubija attwali tal-Britanniċi fl-UE tfisser li t-trakkijiet jistgħu jgħaddu aktar malajr mill-proċeduri mal-fruntera, il-possibbiltà ta’ Brexit bla ftehim kapaċi twassal għal dawmien eżaġerat għall-mezzi tat-trasport fost ‘sriebet interminabbli ta’ traffiku’ maż-żewġ naħat tal-Kanal Ingliż.

Sadanittant, kritiċi tal-Gvern Britanniku ma qablux dwar il-pjani għall-ferries addizzjonali u sostnew li l-flus tal-poplu qegħdin jintefqu ‘bla kont’ fuq miżura ddisprata li tħejji lir-Renju Unit għal Brexit mingħajr ftehim kummerċjali mal-UE.

Madwar 16,000 trakk jgħaddu kuljum bejn Dover u Calais u dawn qegħdin iwasslu oġġetti u affarijiet essenzjali – mill-ikel għall-mediċina u prodotti industrijali għall-manutenzjoni tal-fabbriki.