Lokali

Edward Scicluna jammetti li l-allegazzjonijiet kontra l-Gvern huma serji

L-allegazzjonijiet huma serji u ma tistax tnaqqsilhom mill-mertu tagħhom. Huma allegazzjonijiet serji.

Hekk iddikjara l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna meta mistoqsi minn Ġurnalist tal-aġenzija tal-aħbarijiet Amerikana CBS dwar l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li fl-aħħar snin, iddominaw il-Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat.

Id-dokumentarju, ta’ madwar kwarta, jagħti ħarsa lejn pajjiżna … sa mill-istorja ta’ Malta u Għawdex eluf u mijiet ta’ snin ilu sal-aħħar żviluppi fil-politika lokali. Dwar dan, il-Ġurnalist Amerikan jgħid li xtaq ukoll jiltaqa’ mal-Prim Ministru Muscat, li iżda ma kellux ħin għalihom u minflok, bagħat lill-Ministru tal-Finanzi.

Mistoqsi direttament dwar kif dawn l-allegazzjonijiet qed jaslu minn diversi istituzzjonijiet Ewropej, Edward Scicluna jgħid li dawn huma serji.

Iżda d-dikjarazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi tistona mal-pożizzjoni li ħa d-Deputat Laburista u Konsulent tal-Prim Ministru, Glenn Bedingfield, li pprova jwaqqa’ għaż-żufjett dawn l-allegazzjonijiet, partikolarment dawk li ħarġu minn rapport ippreparat mill-Membru Parlamentari Ewropew Soċjalista Ana Gomes.

Għalkemm skomdu, Bedingfield ipprova jirredikola s-sitwazzjoni billi qal li dak irrappurtat dwar il-Gvern ta’ Muscat ma jinkwetah xejn.

Ana Gomes hi l-MEP Soċjalista Portugiża li f’diversi ċirkostanzi ċanfret lill-Gvern ta’ Muscat għall-mod kif mhux jipprova jiġġieled il-korruzzjoni. Dan anke fid-dawl tal-qtil makabru tal-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-impunità li ħoloq il-Gvern ta’ Muscat.

Ana Gomes hi wkoll l-istess MEP li, matul il-Kungress tas-Soċjalisti Ewropej, waqqfet lil Muscat milli jitkellem billi bdiet tgħajjat minn nofs il-folla “Istħi, istħi”. Mal-Ġurnalist tas-CBS, Ana Gomes qalet li s-sistema f’Malta hi difettuża u dan kollu jaffettwa lill-Ewropa kollha.

Barra minhekk, tenniet li hi ħasra li l-atmosfera politika f’pajjiżna qed tnawwar l-istampa sabiħa li toffri Malta bl-istorja u l-poplu tagħha.