Lokali

Tony Borg – ħajtu kienet waħda ta’ servizz kontinwu għall-Għawdxin kollha

Dalgħodu ġriet l-aħbar li ħalla din id-dinja Tony Borg, kunsiller tal-Partit Nazzjonalista. Kull Għawdxi huwa grat lejn Tony għaliex ħajtu kienet waħda ta’ servizz kontinwu għall-Għawdxin kollha.

F’kull kariga li okkupa dejjem kien lest li jilqa’ lil kulħadd, jisma’ lil kulħadd u jagħmel minn kollox biex jipprova jgħin. Dan jista’ jikkonfermah kull min irrikorra għandu fl-uffiċċju tal-passaporti, meta kien Kunsillier u aktar u aktar fil-ħmistax-il sena li għamel fil-Ministeru għal Għawdex bħala l-id il-leminija tal-Ministru Giovanna Debono.

Tony ser jibqa’ ħaj fil-memorji ta’ dawk kollha li għen fosthom mijiet ta’ studenti Ghawdxin.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex Chris Said, irringrazzjah għall-pariri siewja li tah u l-għajnuna enormi li sab minn għandu fl-aħħar snin. Said ma jinsa qatt it-telefonati li kien ikollu miegħu.

Tony iġġieled għal aktar minn sitt snin marda kiefra – iżda baqa’ dejjem pożittiv u minkejja dak li kien għaddej minnu baqa’ jagħti l-għajnuna lil kull min irrikorra għandu.

Kienu bosta dawk li fuq il-media soċjali fakkru l-memorja ta’ Tony, fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, li sellem il-memorja tas-Sur Pace f’post fuq Facebook.

Il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Media.link Communications tagħti l-kondoljanzi lill-martu Mary u ż-żewġ uliedu Alex u David, lill-familja kollha u l-ħbieb.