Lokali

20 sena mid-dħul tal-ewro

L-1 ta’ Jannar 2019 jaħbat l-20 anniversarju mill-introduzzjoni tal-munita ewro f’għadd ta’ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Illum hemm 19-il pajjiż tal-Unjoni mill-11 li kienu ssieħbu 20 sena ilu, bl-ekonomija taż-Żona Ewro kibret minn dak iż-żmien bi 72 fil-mija għal €11.2 triljun u hi fit-tieni post bħala forza globali, wara l-Istati Uniti.

Ftit tal-jiem ilu, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi tkellem dwar dan l-anniversarju u qal li b’mod ġenerali, l-għaqda monetarja rnexxiet, għalkemm mhux il-pajjiżi kollha ħadu l-benefiċċju massimu minnha.

Malta daħlet fiż-Żona Ewro eżatt qabel ma d-dinja, partikolarment l-Ewropa, daħlet f’fażi twila ta’ reċessjoni li qatt ma konna rajna bħalha qabel. Fl-1 ta’ Jannar 2008, Malta adottat l-ewro wara tħejjija intensiva, li matulha l-Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi kien għadda minn eżami iebes li l-Unjoni Ewropea tesiġi minn kull pajjiż li jkun irid jadotta din il-munita.

Il-qalba li għamel pajjiżna għall-ewro tant kienet tmexxiet b’għaqal, li pajjiżi oħra li ssieħbu fiż-Żona Ewro wara Malta kienu qed jingħataw pariri mill-Kummissjoni Ewropea biex jadottaw l-istess miżuri.

Is-suċċess ekonomiku ta’ pajjżna fl-aħħar snin hu riżultat dirett ta’ kif irnexxielu jilqa’ fi żmien ta’ kriżi bla preċedent. F’dan il-kuntest, il-fatt li Malta kienet qed tiffaċċja s-sitwazzjoni flimkien mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea msieħba fiż-Żona Ewro kien kruċjali, anzi providenzjali.

Kien ukoll turija tal-għaqal li bih Gvern Nazzjonalista kien jamministra l-ekonomija ta’ pajjiżna.