Lokali

70 sena mill-ewwel edizzjoni tal-Lotterija Nazzjonali

Ftit tal-jiem ilu – fis-26 ta’ Diċembru – ħabat is-70 anniversarju minn meta saret għall-ewwel darba l-Lotterija Nazzjonali ta’ Malta. Din kienet intrapriża importanti għall-ekonomija tal-pajjiż għax bis-saħħa tagħha, kienu jidħol ammont sostanzjali ta’ flus minn barranin li kienu jittantaw xortihom.

Fil-ħarġa tal-lum, il-ġurnal In-Nazzjon ta ħarsa lejn l-istorja ta’ din il-Lotterija. Fost l-oħrajn, kif dak iż-żmien, ħafna mix-xogħol kien isir bl-idejn u għalhekk, kien ifisser qligħ finanzjarju kbir għall-Aġenti tal-Lotterija u l-impjegati fid-Dipartiment tal-Lottu, li għal xi żmien kienu kważi 250. Il-pagi ta’ dawn kienu jitħallsu mill-qligħ li d-Dipartiment kien jagħmel mil-Lotterija u mil-Lottu.

Fl-ewwel snin tagħha, il-Lotterija Nazzjonali kienet tittella’ sitt darbiet f’sena. Iżda meta l-bejgħ beda jonqos, dan l-ammont niżel. Dan wara diversi tibdilied li kienet issir fil-Lotterija bl-iskop li aktar nies jitħajru jipparteċipaw fiha. Post il-Lotterija Nazzjonali ttieħed mil-Lotterija tas-Super 5, li bdiet fl-1990 u għadha tittella’ sal-lum.

L-idea tas-Super 5 nibtet fl-1982, iżda l-awtoritajiet ta’ dak iż-żmien ma kienux lesti jidħlu għall-investiment meħtieġ, li kien ġie stmat li hu madwar il-miljun Lira Maltija.

Sa mill-bidu tagħha, il-Lotterija Nazzjonali dejjem ġibdet l-attenzjoni ta’ min jipparteċipa. Dan partikolarment bl-ammonti sbieħ ta’ flus li jintrebħu. Fil-fatt, l-ewwel premju tal-ewwel edizzjoni kien jammonta għal 10,000 lira sterlina, iżda fi żmien sena biss, dan l-ammont kien diġà żdied b’2,000 lira sterlina oħra.

Aktar mill-istorja tal-Lotterija Nazzjonali – fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju – fil-ħarġa ta’ għada tal-ġurnal In-Nazzjon.