Internazzjonali

Jieħu l-ġurament il-President il-ġdid tal-Brażil

Il-President Jair Bolsonaro

Jai Bolsonaro ħa l-ġurament bħala l-President il-ġdid tal-Brażil, l-akbar demokrazija fl-Amerika Latina.
Bolsonaro, li jħaddan linja iebsa fil-konfront tal-kriminalità u l-korruzzjoni u hu eks kaptan tal-Armata, għandu 63 sena u hu l-ewwel President mil-lemin wara erba’ rebħiet konsekuttivi minn politiċi mill-Partit tal-Ħaddiema tax-xellug.

Ma’ Bolsonaro ħa l-ġurament l-eks Ġeneral Hamilton Mourao bħala l-Viċi President. Hawn Bolsonaro qara diskors qasir li fih wiegħed li kien se jimplimenta ħafna mill-wegħdiet elettorali tiegħu, fosthom li jkun leali lejn it-tradizzjonijiet Insara tal-pajjiż u li t-tfal jingħataw edukazzjoni li tlestihom għad-dinja tal-edukazzjoni u mhux dik politika.

Huwa mbagħad appella lill-membri parlamentari Brażiljani ħalli jingħaqdu warajh biex jissalva l-pajjiż mill-korruzzjoni u l-kriminalità. Wara l-ġurament tal-ħatra huwa indirizza lill-folla miġbura u wiegħed li jeħles lill-Brażil mis-soċjaliżmu u minn ċerti ideat politiċi li kienu ħarbtu lill-pajjiż.

Għaċ-ċerimonja tal-ġurament kien hemm siġurtà kibira bi 3,000 pulizija għassa għall-avveniment u saħansitra tpoġġew missili għal kontra l-ajruplani madwar il-bini.

Sebgħa mit-22 membru tal-Kabinett ta’ Bolsonaro huma eks membri tal-militar Brażiljan – aktar minn kwalunkwe amministrazzjoni matul id-dittatura Brażiljana bejn l-1964 u l-1985. Dan qanqal tħassib dwar x’forma ta’ tmexxija se jkun hemm fil-Brażil tul il-mandat ta’ Bolsonaro.