Formula 1 Sport

Michael Schumacher illum jagħlaq 50 sena

Il-familja ta’ Michael Schumacher qalet li qed jagħmlu dak kollu possibbli umanament biex jgħinuh jirkupra minn meta weġġa’ serjament f’rasu, hekk kif illum il-leġġenda tal-Formula 1 jagħlaq 50 sena.
Fi stqarrija rari fil-pubbliku lbieraħ, il-familja tal-Ġermaniż irringrazzjaw lill-partitarji tas-sapport kontinwu u saħqu x-xewqa tagħhom li jżommu l-kundizzjoni tas-seba’ darbiet rebbieħ privata. Il-familja ħeġġet ukoll biex il-partitarji jiċċelebraw għeluq il-50 sena tiegħu.

Schumacher waqa’ u ħabat rasu waqt vaganza ta’ skiing mal-familja fl-Alpi ta’ Franza f’Diċembru tal-2013. “Tistgħu tkunu ċerti li jinsab fl-aqwa idejn u qed nagħmlu umanament kollox biex ngħinuh.”
Huma xtaqu li jużaw għeluq snin Schumacher biex ifakkru u jiċċelebraw ir-rebħiet, ir-rekords u l-ferħ, b’app ġdida bħala mużew virtwali li se titnieda llum.

“Bħala rigal għalih, għalikom u għalina, Keep Fighting Foundation ħolqot mużew virtwali. L-app uffiċjali ta’ Michael Schumacher se titnieda biex inkunu nistgħu naraw flimkien is-suċċessi ta’ Michael. Din l-app hi kisba oħra fl-impenn tagħna biex nagħmlu ġustizzja miegħu u magħkom il-partitarji billi niċċelebraw il-kisbiet tiegħu.”

Michael Schumacher hu l-aktar sewwieq ta’ suċċess fl-istorja tal-Formula 1 b’seba’ kampjonat u 91 tiġrija mirbuħa. Ferrari, it-tim li Schumacher kiseb l-akbar suċċess, illum se jniedu l-esebizzjoni tagħhom f’Maranello biex jiċċelebraw is-suċċessi ta’ Schumacher mat-tim Taljan.