Futbol Sport

Man City taħt pressjoni biex iżommu t-tamiet għat-titlu

Minkejja li għadu kemm beda t-tieni rawnd, il-logħba bejn Manchester City u Liverpool qed tiġi deskritta bħala kważi determinanti għal fejn jista’ jmur il-kampjonat fi tmiem l-istaġun.

Preżentament, Liverpool qed igawdu vantaġġ komdu ta’ sitt punti fuq Tottenham b’logħba anqas u seba’ punti fuq Manchester City u rebħa kontra ċ-champions preżenti, tikkonferma l-potenzjal ta’ Liverpool jibqgħu mingħajr telfa filwaqt li jkabbru d-distakk għal disa’ punti fil-quċċata.

Bħalissa Liverpool huma l-aktar tim fil-forma hekk kif mhux biss qed jirbħu iżda qed jimpressjonaw bil-logħob. Manchester City kienu ġejjin minn tliet telfiet fl-aħħar erba’ logħbiet, qabel għelbu l-Ħadd li għadda lil Southampton 3-1, minkejja li f’mumenti kienu 1-1.

F’dan l-istadju l-pressjoni tinsab fuq it-tim ta’ Guardiola li ma jistax jitlef logħba oħra speċjalment kontra r-rivali diretti. Il-kowċ Spanjol irid jara wkoll x’se tkun il-kundizzjoni tal-plejer influwenti Kevin De Bruyne li hu dubjuż biex jilgħab il-konfront tal-lum.

Sergio Aguero se jkun qed ifittex li jkompli r-rekord pożittiv kontra Liverpool hekk kif skorja fis-sitt logħbiet li lagħab fl-Etihad Stadium fil-kampjonat kontra t-tim ta’ Klopp. Mhux l-istess jista’ jingħad għal Manchester City li rebħu biss logħba mill-aħħar 11-il konfront kontra Liverpool fil-kompetizzjonijiet kollha, għalkemm li din l-unika rebħa kienet ta’ 5-0.