Knisja Kultura Lokali

Ġesu jitwieled f’Ħad-Dingli … bil-ġesti solidali tad-Dinglin

Ħadd daqs dawk li jaħdmu fil-qalba tal-lokalitajiet ma jafu l-bżonnijiet tal-komunitajiet tal-ibliet u rħula madwar pajjiżna, b’mod speċjali l-kleru u l-voluntiera tagħhom li ta’ spiss iżuru l-familji.

Kien għalekk li din is-sena, l-ewwel waħda ta’ Mark Mallia Pawley bħala Arċipriet f’Ħad-Dingli, hu xtaq li Ġesu jitwieled propju f’dan il-villaġġ. Ir-rappreżentanza ta’ din ix-xewqa kienet fi presepju mhux tas-soltu maħdum mill-abbatni bl-għajnuna tal-ġenituri tagħhom.

F’dan il-presepju, iż-żjara tal-anġli lill-Marija seħħ fil-Kappella ta’ Santa Duminka, il-viżitazzjoni ta’ Marija lil Eliżabetta seħħet f’San Pawl tal-Pitkali, ħdejn l-għorfa fuq l-irdum wieħed isib lill-maġi waqt li fil-kappela ta’ Santa Marija Maddalena hemm il-ħarba lejn l-Eġittu waqt li f’Għar il-Kbir u f’razzett ta’ Ħad-Dingli wieħed isib lir-rgħajja. Ma jistax jonqos li t-twelid iseħħ fil-Knisja Arċipretali tal-lokalità.

Iżda l-preżenza ħajja ta’ Ġesu fil-komunità hu l-ġest tad-Dinglin lil dawk l-iktar fil-bżonn. L-appell tal-Knisja biex jinġabru rigali għal tfal li jgħixu fi djar residenzjali mmexxija mill-Fondazzjoni Ejjew Għandi kif ukoll l-appell għal donazzjonijiet ta’ ikel biex jitqassmu hampers ta’ ikel lil familji fil-bżonn fil-lokalità ntlaqgħu b’entużjażmu.

Fl-aħħar jiem, reġgħet saret ukoll il-kampanja ‘Minn Qalbna lill-Anġli’ bejn Ħad-Dingli u r-Rabat, bl-għan li jinġabru fondi għad-Dar tal-Providenza … kampanja li ilha ssir 35 sena.

Filfatt din il-kampanja bdiet qabel il-Festa ta’ Ġenerożità tad-Dar tal-Providenza, meta d-Dinglin kienu jiddedikaw xi diska fuq ir-radju, waqt il-kampanja ‘Minn Qalbna lill-Anġli’ u din tixxandar wara li tintalab donazzjoni li tmur għall-ħidma tad-Dar tal-Providenza.

Din is-sena, il-ġabra ta’ Ħad-Dingli kienet ta’ €5,200 li ngħataw waqt il-Festa ta’ Ġenerożità nhar l-Ewwel tas-Sena f’xhieda ta’ dak li Mallia Pawley jsejjaħ bħala xhieda li din hi lokalità żgħira b’qalb kbira. Ma’ dawn żdiedet donazzjoni oħra ta’ €7,500 li ngħataw bħala parti mill-istess kampanja, iżda mir-Rabtin.

U waqt li sudju tal-Caritas fl-2016 sab li l-ikbar problema tal-lokalità kienet is-solitudni, fortunatament din is-sena ma kienx hemm għalfejn issir l-inizjattiva biex l-anzjani li kienu se jieklu waħidhom jinġabru flimkien fil-kounità.

Dan hekk kif, kważi kull persuna kkuntattjata fi żmien il-Milied, iddikjarat li kienet se tingħaqad ma’ xi ħaddieħor.