Futbol Sport

Floriana se jilagħbu llum kontra St. George’s fl-okkażjoni tal-125 sena mill-ħolqien tal-klabb

Illum fil-Victor Tedesco Stadium se tintlagħab partita bejn Floriana u St. George’s għat-trofew Challenge Cup. Din il-logħba se ssir fl-okkażjoni tal-125 sena mit-twaqqif ta’ Floriana u l-avversarji huma proprju magħżula minħabba li St. George’s huma meqjusa bħala l-pijunieri tal-futbol Malti.

Għal din il-logħba, Floriana se jilagħbu bi flokk tal-okkażjoni, bil-kowċ Guido Ugolotti se jkun qed juża din il-logħba biex anki jara l-aħħar akkwisti bi preparazzjoni għat-tieni rawnd tal-Kampjonat Premier li jibda l-ġimgħa d-dieħla.

Floriana bħalissa jinsabu fid-disa’ post fil-Kampjonat Premier bi 15-il punt wara l-ewwel rawnd. St. George’s fuq in-naħa l-oħra jinsabu fis-sitt post fil-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni, erba’ punt bogħod mill-quċċata f’kampjonat li f’dan l-istaġun qed ikun missielet.

Il-partita ta’ ħbiberija tibda fit-3.00pm u d-dħul għal din il-partita se jkun €5. Id-dħul kollu se jmur għal Malta Community Chest Fund Foundation.