Lokali

Tkompli tikber il-kwistjoni bejn Malta u l-Italja

B’referenza għal dak li kiteb il-Viċi Prim Ministru Taljan Luigi Di Maio, fejn sostna li l-Italja lesta tilqa’ l-immigranti li jinsabu fl-ibħra Maltin iżda li ma daħlitx f’pajjiżha, kompliet tikber il-kwistjoni bejn Malta u l-Italja fuq dawn l-immigranti.

Di Maio qal li “Malta għandha tniżżel in-nisa u t-tfal minnufih minn fuq dawk iż-żewġ vapuri u tibgħathom l-Italja. Aħna nilqgħuhom. Għal darboħra aħna lesti nagħtu lezzjoni ta’ umanità lill-Ewropa kollha.”

Fi stqarrija l-Gvern Malti sostna li d-dgħajsa mexxiet is-salvataġġ ta’ dawn l-immigranti f’post li kien barra mill-ibħra Maltin. Is-salvataġġ sar eqreb lejn l-Italja milli lejn Malta u filwaqt li l-NGO talbet lill-Italja biex tipprovdi port sigur biex iżbarkaw l-immigranti salvati, l-Italja rrifjutat li talloka port sigur u huwa għalhekk li l-bastiment kien imġiegħel ibaħħar aktar ‘il bogħod u li jfittex kenn fl-ibħra territorjali Maltin.
 
L-Italja għalqet il-portijiet tagħha għall-NGOs kollha kif ukoll għal salvataġġi oħra fejn kienet marbuta li tiżbarka skond il-liġi internazzjonali.
 
Il-battibekki jkomplu wkoll fl-Italja stess. Il-Viċi Prim Ministru l-ieħor Matteo Salvini insista li m’għandhiex tkun l-Italja li tilqa’ lill dawn l-immigranti. Hu kompla jgħid li l-Italja lesta tibgħat ikel, ħwejjeġ u mediċini, iżda mhux se tkompli ċċedi għar-rikatti.