Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Herbert Messina Ferrante

‘Bniedem b’karattru sod u li dejjem trasmetta l-enerġija li kellu’ – hekk ġie deskritt Herbert Messina Ferrante f’quddiesa fejn ingħatat l-aħħar tislima lill-istess Messina Ferrante li saret is-Sibt filgħodu fil-Knisja Parrokjali ta’ San Ġiljan wara li nhar it-Tnejn li għadda tilef il-battalja kontra marda kiefra.

Fl-omelija tiegħu, Fr Noel Vassallo, il-Kappillan ta’ Ħ’Attard, faħħar il-ħidma li għamel tul ħajtu Herbert Messina Ferrante. Tkellem dwar kif hu kien dejjem jara kif ser jgħin lil dak li jkun fosthom permezz ta’ ħidmitu fil-Kunsill Lokali kemm ta’ Ħ’Attard kif ukoll ta’ San Ġiljan. Fr Vassallo kompla billi qal li m’għandniex nidfnu it-tajjeb li kellu Messina Ferrante.

Ġiet imfaħħra wkoll il-fidi kbira li kellu Messina Ferrante. Meta kien ikun Malta kif ukoll meta kien ikun msiefer, hu kien dejjem ifittex li jsib lil min jgħaqqdu m’Alla.

Preżenti għal din l-aħħar tislima minbarra familjari ta’ Messina Ferrante attendew bosta persuni fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, il-Viċi Kapijiet David Agius u Robert Arrigo, l-Eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, l-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, il-President Emeritus George Abela, kandidati għall-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, membri parlamentari kif ukoll diversi players ta’ Sliema Wanderers.