Internazzjonali

L-Etna ċċaqalqet 50 ċentimetru

Wara li fl-aħħar jiem seħħew għadd kbir ta’ theżżiżiet dovuti għall-iżbroff tal-vulkan Etna, l-editur tas-sit elettroniku L’Informazione Luciano Mirone tkellem ma’ Robert Cremona waqt il-programm Net Live tal-Ġimgħa.

Mistoqsi kif l-Isqallin għexu l-ġranet ta’ festi fid-dawl ta’ din l-attivit’a vulkanika u t-theżżiżiet li rriżultaw minnha, Mirone qal li dawk li jgħixu fiz-zoni milquta għadhom imbeżża l-aktar wara t-theżżiżiet pjuttost qawwija li nħassu propju l-għada tal-Milied.

Hu spjega kif it-theżżiżiet ħallew ħsarat kbar fiz-zona ta’ Acireale.

Mirone qal li issa jidher li t-theżżiżiet naqsu sew u qed isir xogħol sabiex jiġi stabbilit eżatt il-ħsara li saret tul dawn l-aħħar jiem.

Intant Net News tkellem ma’ Calogero Leanza minn Cesarò f’Messina. Li spjega kif l-Etna għandha s-sabiħ u l-ikrah tagġha u kif in-nies li jgħixu fil-madwar draw jgħixu hekk mingħajr ma jħallu l-biża tirkibhom

Intant Leanza qalina li z-zona ta’ madwar l-Etna hija kollha aċċessibbli

L-Etna hu wieħed mill-aktar vulkani attivi fl-Ewropa u analiżi minn xjentisti Taljani ta’ ritratti bis-satelliti li għaddew minn fuq l-vulkan Etna qabel u wara l-iżbroff tal-24 ta’ Diċembru li għadda, sabu li l-parti tal-Lvant tal-vulkan iċċaqalqet b’50 ċentimentru.

L-iżbroff kien propju dak li wassal għat-terremot tal-qawwa ta’ 4.8 fuq l-Iskala Richter fis-26 ta’ Diċembru bl-epiċentru jkun madwar l-irħula Viagrande, Trecastagni u Fleri.