Lokali

Il-Gvern irid jagħti art pubblika bix-xejn għall-ispekulazzjoni meta hawn min m’għandux saqaf fuq rasu

“Meta hawn min qed jistinka biex jixtri dar u ma jistax, min qed jipprova jissellef għal dar u l-bank ma jsellfux u min irid jikri fejn jgħix u ma jistax bil-kirjiet għoljin, il-Gvern iddeċieda li jagħti art bi prezz baxx lill-privat biex isir spekulazzjoni tal-bini.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM.

Hu qal li fil-jiem tal-Milied, il-Gvern ried li l-Parlament japprova bl-għaġla l-bejgħ ta’ art pubblika lill-Grupp Corinthia, u l-iskop ta’ din l-art jinbidel minn wieħed b’ċens temporanju għat-turiżmu f’wieħed ta’ spekulazzjoni u bini.

Il-Gvern ried ukoll li din l-art li tinsab f’żona strateġika f’Malta, tingħata lill-privat mingħajr ma jinħareġ tender. Adrian Delia qal li huwa ċar li l-Ministru Konrad Mizzi għal darba oħra nnegozja ħażin u mhux qed iġib valur tajjeb għal din l-art pubblika li jrid jagħti lill-privat.

Huwa qal li mhux aċċettabbli li art pubblika, li hija tan-nies, tingħata bix-xejn lill-privat biex minflok għal skopijiet turistiċi, din tintuża għall gwadann massiċċ minn spekulazzjoni ta’ propjetà. Dan huwa inġust ukoll għal żviluppaturi li jissellfu, jieħdu riskju u jinvestu f’pajjiżna.

Adrian Delia qal li s-sena tal-Belt Kulturali Ewropea kienet opportunità tajba għall-promozzjoni tal-kultura f’Malta li sfortunatament iżda spiċċat f’opportunità mitlufa. Huwa qal li l-Valletta 2018 seħħet għaliex Gvern Nazzjonalista ħadem bil-kbir fuq medda ta’ snin sabiex il-Belt Kapitali reġgħet ingħatat id-dinjità li jixirqilha.

Dan permezz ta’ proġetti kbar sa mir-restawr tal-fortifikazzjonijiet sal-bini tad-daħla tal-Belt. Adrian Delia qal li sfortunatament għall-Gvern Laburista, l-Valletta 2018 kienet biss opportunità oħra biex in-nies tal-qalba jibqgħu jistgħanaw minflok verament nippromwovu l-kultura u l-arti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan jidher ċar mill-mod kif il-midja kixfet li l-Ministeru tal-Kultura tal-Ministru Owen Bonnici għadda b’€4.5 miljuni f’direct orders, li l-maġġoranza marru għand kumpaniji li d-diretturi tagħhom għandhom konnessjoni jew huma assoċjati mal-Partit Laburista.

Adrian Delia tkellem fuq il-bejgħ tal-passaporti u kif il-Kuwajt jrid risposti fuq ammont ta’ persuni minn dan il-pajjiż li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija. Dan għaliex bosta pajjiżi ma jippermettux iċ-ċittadinanza doppja, li tkun ċittadin ta’ pajjiż u ssir ċittadin ta’ pajjiż ieħor. Huwa qal li dan huwa każ ieħor li qed jaffettwa r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Dwar il-kawża tas-separazzjoni ma’ martu, Adrian Delia tenna li din hija materja personali u flimkien ma’ martu ftehmu quddiem il-Qorti li ma jitkellmux dwarha fil-pubbliku, għalhekk mhux se jippermetti li jkun hemm persuni li japprofittaw ruħhom minn din iċ-ċirkostanza personali sabiex jagħmlu gwadann politiku.

Huwa qal li meta żied konsiderevoli fis-surveys bdiet kampanja kontrih minn uħud, biex tagħmel il-ħsara lill-pajjiż, lil Partit Nazzjonalista, lilu u l-familja tiegħu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu jemmen fil-verità u l-bibien tiegħu huma dejjem miftuħin għall-mistoqsijiet, iżda l-midja m’għandhix tigdeb, għaliex għandha rwol importanti fid-demokrazija, u għalhekk se jmur il-Qorti biex juri s-sewwa.