Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Il-vot tal-Brexit se jsir ‘definittivament’

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, wissiet li r-Renju Unit qed jiffaċċja ‘żmien imprevedibbi’ f’każ li l-Parlament ta’ Londra jiċħad il-ftehim tagħha għall-Brexit. Intant u meta r-Renju Unit, din is-sena, għandu jispiċċa minn membru tal-Unjoni Ewropea, May qalet li qed ‘tirdoppja l-isforzi’ biex tipperswadi lid-deputati Britanniċi ħalli jappoġġjaw dan il-ftehim.

Theresa May qalet ukoll li l-vot tal-ġimgħa d-dieħla se jsir ‘definittivament’, filwaqt li wiegħdet is-salvagwardji ġodda għall-Irlanda ta’ Fuq u biex tevalwa l-mezzi bil-għan li d-deputati f’Londra jkollhom sehem akbar fit-tiswir tan-negozjati futuri mal-Unjoni Ewropea.

Skont May, il-proċess tal-Brexit ( li l-konklużjoni tiegħu mistenni għad-29 ta’ Marzu) jinsab ‘f’periklu’ mingħajr l-appoġġ tad-deputati fil-House of Commons. Madankollu, stħarriġ ikkummissjonat mill-kampanja People’s Vote jissuġġerixxi li anqas minn wieħed f’kull erba’ votanti huwa favur il-ftehim ta’ Theresa May mal-UE.

Minkejja l-qbil ta’ ġimgħat ilu bejn Theresa May u l-UE dwar it-termini tad-divorzju tar-Renju Unit u l-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn Londra u Brussell, il-ftehim partikulari jeħtieġ jgħaddi bilfors mill-vot tad-deputati fil-Parlament Britanniku qabel ikun aċċettat.

Mistenni, intant, li d-deputati Britanniċi jkunu mitluba jivvutaw dwaru fl-14 jew il-15 ta’ Jannar.