Lokali Qorti

Espert tal-Qorti se jibqa’ assenjat fil-każijiet ta’ Daphne Caruana Galizia

L-espert tal-Qorti l-Avukat Martin Bajada se jibqa’ assenjat fl-inkjesta Maġisterjali kif ukoll fil-kumpilazzjoni tal-provi fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan wara deċiżjoni tal-Qorti mogħtgija t-Tlieta.

Il-Qorti Kostituzzjonali mmexxija mill-Imħallef Silvio Meli iddeċidiet wara talba urġenti li kienet saret f’Marzu li għadda, mill-Avukat William Cuschieri, fejn għan nom ta’ wieħed mill-akkużati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Alfred Degiorgio, kien qed jargumenta li l-ħatra ta’ Martin Bajada kienet tfisser vjolazzjoni tad-drittijiet umani fil-konfront tiegħu.

Bajada huwa espert fl-IT u t-telefon ċellulari, u minkejja li lura fl-1993 kien instab ħati fl-Ingilterra ta’ serq u frodi, għadu jgawdi fiduċja sħiħa ta’ diversi membri tal-ġudikatura Maltija.
L-Imħallef Silvio Meli ikkwota l-liġi fejn spjega li ċ-ċirkostanzi f’dan il-każ ma jistgħux jikkawżaw periklu tad-Drittijiet Umani ta’ Degiorgio. Kien għalhekk li t-talba tad-difiża ġiet miċħuda.
L-Avukat ta’ Degiogio oġġezzjona wkoll għall-fatt li esperti barranin kienu qegħdin jaħdmu id f’id mal-espert Malti, Martin Bajada, fil-ġbir tal-provi għal dan il-każ kriminali.

Dr Bajada kien ġie appuntat ġurnata wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet ġiet assasinata fis-16 ta’ Ottubru , 2017, u kienu l-iskoperti tiegħu li wasslu għal 10 arresti li kienu suspettati bil-qtil tagħha, u li tlieta minnhom, Alfred Degiorgio, ħuh George u Vince Muscat,li kienu mixlijin bil-qtil tal-ġurnalista.