Lokali

Proġett għall-anzjani fis-Siġġiewi

Il-Kunsill Lokali tas-Siggiewi qed jippjana proġett għas-snin li ġejjin biex jinbnew Multi-Purpose Hall għall-Anzjani, Night Shelter għall-Anzjani u Dementia Day Centre.

Dan tħabbar mis-Sindku tas-Siġġiewi, Alessia Psaila Zammit waqt Laqgħa tas-Sindku fil-Parlament. Hi spjegat li ċ-Ċentru Ċiviku tas-Siġġiewi diġa’ jilqa fih diversi servizzi għall-komunità.

Il-Kunsill Lokali diġa’ ġab permess għall-bini ta’ Night Shelter f’parti oħra taċ-Ċentru Ċiviku.

Il-Kunsill Lokali beda diskussjonijiet mal-awtoritajiet biex ikun l-ewwel Kunsill Lokali li minbarra proġett ta’ Night Shelter għall-Anzjani jibni wkoll fiċ-Ċentru Ċiviku tiegħu, Dementia Day Centre.

Fid-diskors taghha fil-Parlament, Alessia Psaila Zammit tkellmet ukoll dwar l-impenn tal-Kunsill Lokali li jkun viċin kull settur u viċin ċittadini ta’ kull età. Fakkret li l-Kunsill Lokali waqqaf Kunsill Lokali tat-Tfal li qed jħeġġeġ it-tfal ikunu attivi fil-komunità. Filwaqt li waqqaf għal darb’oħra Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ.

Fis-seduta tal-Parlament, Alessia Psaila Zammit fakkret li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi approva b’mod unanimu mozzjoni li hija ressqet biex jitwaqqaf is-Siġġiewi Youth Network, li se jkun Forum tal-Għaqdiet taz-Żgħażagħ fis-Siġġiewi. Dan il-Forum tal-Għaqdiet taz-Żgħażagħ se jitlaqqa’ għall-ewwel darba fix-xhur li ġejjin.