Lokali

Raġel ikisser il-ħġieġ ta’ ħanut f’San Pawl il-Baħar bl-iskop li jiġi arrestat u deportat

Mumenti ta’ tensjoni f’San Pawl il-Baħar hekk kif raġel kisser il-ħġieġ tal-faċċata ta’ forn li jservi wkoll bħala confectionery fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar.

Fuq ġewwa tal-ħanut kien hemm xi persuni kif ukoll impjegati, li ddeskrivew il-qatgħa tal-mument. Madankollu r-raġel, wara dan il-ġest tiegħu, ma kienx aggressiv iżda talab li jissejħu l-Pulizija.

Ir-raġel, li hu mis-Serbja, spjega lil dawk preżenti li jixtieq jirritorna lura lejn pajjiżu, iżda m’għandux flus. Għalhekk hu għamel dan il-ġest drastiku bl-iskop li jiġi arrestat u bit-tama li l-Qorti tordna d-deportazzjoni lejn pajjiżu.

Fil-post waslet preżenza qawwija ta’ Pulizija, bir-raġel jiġi arrestat immedjatament, mingħajr ma offra l-ebda reżistenza. Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ.