Lokali Qorti

ID-DELITT TA’ HUGO CHETCUTI: Sabu li kellu toqba ta’ ċentimetru fl-intestini

Darko Babic, patoloġist konsulent li ilu jaħdem Mater Dei mill-2009 u qabel ħadem fis-Serbja mill-2002 qal li wieħed mill-kampjuni tal-intestini li huwa analiżża fil-laboratorju kellu toqba wiesgħa ċentimetru. Dan il-kampjun li kellu 25 ċentimetru tul kellu wkoll żewġ punti li kienu disa’ ċentimetri bogħod mit-tarf.

Sadanitttant fil-kampjun l-ieħor li kien ta’ 17-il ċentimetru ma kien hemm problemi li setgħu kkaġunaw xi problema akuta.

Babic beda jirrispondi għall-mistoqsijiet magħmula mill-Prosekuzzjoni u li saru mill-avukat Joe Giglio li wkoll qed jidher bħala parte civile għan-nom tal-familja tal-vittma Hugo Chetcuti.

Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Bojan Cmelik, is-Serb ta’ 35 sena li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Hugo Chetcuti, li kellu 52 sena. Cmelik qed jiġi akkużat li attakka lill-intraprenditur f’San Ġiljan fis-6 ta’ Lulju billi tah daqtejn ta’ sikkina. Chetcuti miet fl-Isptar Mater Dei wara li kien għamel sitt ijiem jissielet għal ħajtu.

Babic ġie mistoqsi jekk kienx involut fl-operazzjoni fuq Chetcuti, bil-konsulent jwieġeb fin-negattiv. Qal ukoll li huwa propja histopathologist, u kompla jispjega xogħolu u kif ġew spezzjonati il-kampjuni.
L-ewwel xhud f’din il-kumpilazzjoni kien it-tabib Jeremy fejn dan qal li qed jitħarreġ biex isir kirurgu. Fenech tenna li kien l-ewwel assistant tal-konsulent Ayman Mustafa fl-operazzjonijiet li saru fuq Chetcuti.

Fenech Dr. Fenech qal li xogħlu jinvolvi li jgħin lill-konsulent jaħdem aħjar, bħal li jżomm l-organi waqt li l-kirurgu beda jopera fuq Chetcuti. Qal li kien hemm ħafna demm ġej mill-musrana ż-żgħira li kellhu bżonn jitwaqqaf. Huwa jispjega li xogħlu kien li jneħħi d-demm, filwaqt li t-tabib Mustafa għamel il-ponti biex jitwaqqaf id-demm.
Wara li beda jwieġeb il-Maġistrat Marsenne Farrugia qalet lix-xhud li huwa kellu d-dritt ma jweġibx għad-domandi minħabba li seta’ jinkrimina ruħu f’xi kawża oħra li tista’ ssir il-quddiem.

L-avukat Giglio staqsa lix-xhud min għalaq iż-żaqq wara dan il-proċess u kif sar. Fenech qal li huwa żamm il-ġilda ma’ xulxin sakemm il-kirurgu għalaq iż-żaqq. Jgħid li xogħlu waqaf hemm fuq il-każ.
Spjega wkoll li Mustafa kien għalaq ukoll it-toqob (perforations) li kien hemm fil-musrana ż-żgħira. Fenech jgħid li xogħlu kien qed isegwi x-xogħol li sar mill-kirugu Mustafa. Qal ukoll li meta jiġi kkontrollat l-iżvinar, isiru l-ponti u tinħasel iż-żaqq, u qal li jitpoġġa likwidu u wara li jinħaslu l-organi, l-likwidu jitneħħa. Tenna li wara Chetcuti ġie trasferit għall-ITU.

F’dan il-ħin l-akkużat Cmelik deher jidħak u wkoll jitlob ħelwa lil wieħed mill-forzi tal-ordni li kien fl-awla. Ta’ min jgħid li għal darba oħra l-akkużat kien akkumpanjat minn għadd kbir tal-Pulizija, kemm fl-awla kif ukoll barra l-awla.

Sar ukoll kontro eżami mill-avukat Ishmael Psaila, li qed jidher għal Cmelik, fuq Dr. Fenech, fejn ġie kkonfermat li kien hemm erba’ perforazzjonijiet mal-musrana ż-żgħira ta’ Hugo Chetcuti.

Xehed ukoll it-tabib Stephan Zammit, li qal li huwa t-tieni assistent tal-kirurgu. Sostna li kien mitlub jassisti għax kellhom bżonn iktar għajnuna imma ma kienx familjari mal-każ. X’ħin wasal qal li t-tabib Fenech u l-kirugu Mustafa kien għadhom kif ikkontrollaw l-iżvinar ta’ Hugo Chetcuti.

Zammit jgħid li xogħlu kien li jżomm l-inċiżjoni miftuħa waqt li l-kirurgu jispezzjona l-organi wieħed, wieħed. Huwa kompla jispjega li l-kirurgu beda jdur l-organi wieħed wieħed u fejn instab iktar ġrieħi, u saru l-ponti mill-istess kirurgu. Jgħid li jiftakar li kien hemm ftit toqob fil-musrana ż-żgħira. Huwa jgħid li nħaslu l-organi, wara ħallew żewġ drains umbgħad Chetcuti ġie trasferit lejn l-ITU. Meta mistoqsi jekk jiftakarx kemm kien hemm toqob, Zammit jgħid li jaħseb erbgħa.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Nikolai Sant. Qed jiġi allegat li Cmelik mar biex jgħannaq lil Hugo imbagħad attakkah b’sikkina li kien qed iżomm wara daru. Is-sikkina kienet instabet fuqu aktar tard meta ġie arrestat u kienet twila madwar 19-il ċentimentru. Kienu nstabu fuqu wkoll żewġ ċwievet li kienu ġew eżebiti quddiem il-Qorti. Cmelik kien qal lil Sant li ċ-ċwievet kienu tad-dar tiegħu fis-Serbja.

Cmelik kien qed jgħix ma ħuh f’Tal-Pietà u kien impjegat f’Bacco’s u Hugo’s Terrace. Hu kien tkeċċa darba għax ma tfaċċax għax-xogħol. Aktar tard kien ingħata xogħol ieħor u eventwalment tkeċċa minħabba l-attitudni tiegħu u xi kunflitti ma’ ħaddiema oħra. Il-kumpilazzjoni tkompli fit-23 ta’ Jannar li ġej.