Sport Sport Ieħor

Għada fl-azzjoni t-tim Malti tal-handball fi grupp ta’ kwalifikazzjoni li se jsir f’pajjiżna

Għada f’pajjiżna t-tim nazzjonali Malti tal-Handball se jiftaħ l-impenji tiegħu fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-2022. Malta tinsab fil-grupp flimkien mal-Ażerbajġan, Ċipru u Georgia. Ir-rebbieħ ta’ dan il-grupp jikkwalifika biex jilgħab fit-tieni fażi tal-kompetizzjoni.

Il-fatt li dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni se jsir f’pajjiżna hi kisba għall-Assoċjazzjoni Maltija, bil-President Louis Borg jgħid li dan it-tournament se jkun ta’ esperjenza unika għall-plejers Maltin minħabba li l-avversarji huma ta’ livell għoli u professjonali.

Preżenti flimkien mal-Viċi President Andrew Decelis, tkellem ukoll il-Kap tal-Kumitat Organizzattiv Orlando Bonnici. Hu wera x-xewqa li dan it-tournament jagħti spinta lil dan l-isport f’pajjiżna. Bonnici kompla li l-avversarji tat-tim Malti se jkunu bl-aqwa tim possibbli u għandhom il-mira li jgħaddu sal-aħħar stadji tal-kompetizzjoni.

Il-wiċċ li tpoġġa fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera ngħata bħala donazzjoni mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-handball u wara dawn il-logħbiet, l-art se titpoġġa fuq art li ngħatat lill-Assoċjazzjoni Maltija f’Santa Venera. Il-logħbiet tat-tim Malti taħt it-tmexxija ta’ Joe Tanti se jkunu mingħajr ħlas.

Għada: Georgia v Malta               7.30pm

Is-Sibt: Malta v Ċipru                   6.30pm

Il-Ħadd: Ażerbajġan v Malta      4.30pm