Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal persuna fuq serq ta’ €14,000 minn ristorant f’San Ġiljan

Joseph Anthony Cini ta’ 48 sena mill-Belt ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati li seraq madwar €14,000 minn ristorant f’San Ġiljan. Sadanittant Alfred Mazzitelli ta’ 56 sena minn Pembroke, li kien jaħdem fl-istess ristorant ġie lliberat minn akkużi simili.

Cini nstab ħati wkoll li wettaq ħsara waqt is-serqa u li kellu fil-pusses tiegħu arma tan-nar.
Madankollu ma nstabx ħati li sar reċidiv. Mill-provi rriżulta li bejn is-6am u s-7am tad-9 ta’ April 2012, il-Pulizija ġew infurmati minn persuna li għandu ħanut fil-biswit li kien hemm sgass fl-istabiliment “Gochi Sushi” f’San Ġiljan billi ra l-bieb tal-ħanut miftuħ. Ufficjali tal-Pulizija marru fuq il-post u sabu hafna taqlib.

Is-Surġent Ramon Mifsud Grech xehed li min kien daħal fil-ħanut kien għamel dan billi tela’ fuq il-bejt baxx sular tal-ħanut, kisser bieb tal-aluminium u hemmhekk kien hemm l-aċċess għall-ħanut. Mitsuhiro Sakamoto, is-sid tal-ħanut, xehed li huwa kien vaganza fl-Awstralja meta rċieva telefonata mill-Manager tal-hanut, Masako Hirota, li kienu insterqulu l-flus u li żewġ persuni kienu nqabdu. Huwa rritorna Malta xi tlieta jew erba’ ġranet wara u mar l-għassa. Kien ingħad lilu li kienu nsterqu madwar €14,000. Bhala hsara li giet ikkagunata kienet madwar €500 u €1,000.

Qal li meta kien imsiefer il-flus inżammu taħt l-ixkaffa fil-kċina f’safe li kien ibboltjat u kellu PIN number. Huwa spjega li meta jkun Malta l-flus tal-ġurnata jeħodhom id-dar miegħu. Qal ukoll li l-imputat Alfred Mazzitelli kien assistent fil-management.

Mistoqsi min kellu aċċess għas-safe rrisponda li Masako biss. Huwa qal li fir-ristorant kellu erba’ cameras imma mhux alarm. Qal li kien ilu msiefer madwar ġimgħatejn jew tlieta u għalhekk dak kollu li jaf inkwantu għall-flus li allegatament insterqu jafhom permezz ta’ dak li intqal lilu mill-manager.
Dwar Alfred Mazzitelli x-xhud qal li huwa qatt ma kellu x’jaqsam mal-flus kontanti u lanqas seta’ jiftaħ is-safe. Il-PIN kien maghruf biss mix-xhud u minn Masako u x-xhud qal li kien ibiddel il-PIN kontinwament.

Masako Hirota , Manager fil-“Gochi Sushi”, xehdet li kien it-Tnejn wara l-Ghid meta hija rċieviet telefonata mingħand Alfred Mazzitelli li l-ħanut kien insteraq u li l-kaxxa tal-flus li kienet fil-kċina kienet għosfrot.

Minhabba li kien l-Għid ma setghetx tpoġġi l-flus f’Bank. Inkwantu għall-filmat li rat tgħid li hija ma kinitx taf lil min deher fih iżda hija rrikonoxxiet fl-Awla lill-imputat Joseph Anthony Cini bħala l-persuna li jidher fil-filmat. Qalet ukoll li dan is-safe seta’ jidher minn persuni li jidħlu jixtru.
L-impjegati li kollha kienu jafu b’dan is-safe la kienu jafu l-PIN u lanqas kemm kien hemm flus fih iżda tgħid li ġieli kienu jitkellmu fuq il-bejgħ u mal-imputat Alfred Mazzitelli gieli tkellmet fuq hekk. Is-Surġent Ramon Mifsud Grech xehed ukoll li wara xi jiem li l-pulizija ġiet infurmata bis-serqa, gew elevati xi “footages” mill-istess ristorant fejn kienu jidhru żewġ persuni.

Qal li skopra li wieħed minn dawn il-persuni kien Joseph Anthony Cini li ħie arrestat u saritlu tfittxija fid-dar u kienu gew elevati xi armi u mwies. It-tieni darba li marru f’daru l-imputat Cini tahom xi ħaġa tal-flus li kienu fil-pussess tiegħu li ġew mgħoddija lill-Ispettur.

Il-Kuntistabbli Christabelle Mallia xehdet li Cini għandu reġistrat fuq ismu shotgun Luigi Franchi. Minn investigazzjonijiet li saru fuq il-post kien hemm CCTV ġewwa l-ħanut kienu gew identifikati li s-serqa kienet twettqet minn tnejn min-nies, b’wiehed minnhom ikun Joseph Anthony Cini. Irriżulta wkoll li dakinhar tas-serqa Mazzitelli kien ghamel komunikazzjoni mas-sur Cini biex jistaqsi jekk kollox kien ok.

Il-Qorti qalet li Cini kellu l-impronti digitali fuq il-mejda fil-kċina tal-ħanut misruq, dan apparti l-fatt li wiċċu jidher ukoll sew mil-filmat. Irriżulta wkoll li kkommetta wkoll ir-reat ta’ ħsara volontarja billi tkissret il-ħġieġa tal-bieb tal-aluminium.

Sadanittant Mazzitelli qal li huwa kien interessat jiftah negozju simili u kien tkellem ma’ Cini f’dan is-sens iżda jgħid li ma tahx informazzjoni li kien hemm il-flus fis-safe. Ma jirriżulta minn imkien mill-provi prodotti li Mazzitelli kien jaf bl-intenzjoni ta’ Cini, li kien fi ħsiebu li jwettaq is-serqa minn-ħanut minn fejn kien jaħdem. Lanqas ma jirriżulta li sar xi diskors min-naħa tiegħu dwar xi informazzjoni fuq l-ammonti ta’ flus li kienu qed jinżammu fil-fond.

Joseph Anthony Cini huwa ma nstabx hati li huwa reċediv u ħarsa lejn kondotta tiegħu għalkemm kien instab ħati li kkommetta reati jirriżulta li kellu anki vizzju tad-droga. Cini tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ superviżjoni.