Lokali Qorti

Għal darb oħra Konrad Mizzi jkompli jinsisti li “ma jaf xejn” dwar 17 Black

Konrad Mizzi

Għal jum ieħor il-Qorti kompliet tisma’ l-istess retorika tal-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi meta f’kawża ta’ libell huwa reġa saħaq, “Jien ma kont naf xejn dwar 17 Black u għadni sal-lum ma nafx x’inhi”. Hawn huwa tenna li m’għandu l-ebda rabta la ma 17 Black u lanqas ma’ Macbridge – żewġ kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Meta mistoqsi dwar il-kumpanija 17 Black u r-rabta mal-power station, Konrad Mizzi qal li din mhi xejn ħlief spedizzjoni ta’ sajda bi “trawlers” kbar. Il-Ministru qal li hu kiseb Hearnville fl-2015 u mhux fl-2013 u tenna li kienet miftuħa bħala investiment tal-familja.

Sadanittant il-Qorti ordnat li fil-kawża li jmiss li tħalliet għas-7 ta’ Marzu li ġej, għandu jitla’ jixhed l-uffiċjal ewlieni ta’ Nexia BT Carl Cini.

Quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale ġie deċiż li Carl Cini għandu jixhed fuq id-dokumenti li ħarġu fuq dan il-każ u sadanittant il-Ministru Konrad Mizzi se jkun skużat meta l-każ ikompli xahrejn oħra.

Il-każ li kompla jinstema’ l-Ħamis kien infetaħ mill-istess Mizzi kontra Daphne Caruana Galizia, bil-Ministru llum jiġi mistoqsi domandi mill-Avukat Peter Fenech, li qed jidher għan-nom tal-familja Caruana Galizia.

L-Avukat Fenech fakkar lil Mizzi li skont il-kodiċi ta’ etika, il-Ministri ma jistgħux jagħmlu xogħol privat u għalhekk staqsa lill-Ministru għaliex kien fetaħ il-kumpanija. Mizzi qal li din infetħet bħala investiment familjari, u fuq aktar domandi fosthom għaliex ma infetħitx Malta, huwa qal li kienet Nexia BT, li tagħtu l-parir jiftaħ trust fi New Zealand.

Minkejja li beda jiċħad, l-Avukat Fenech kompla jisħaq li l-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi infetħu ħames t’ijiem wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013. “Kieku ma kienux għal Panama Papers, ma nafux xejn”, saħaq l-Avujkat Peter Feter Fenech.

Il-Ministru qal li meta kien faqqa l-iskandlu kien staqsa lil Nexia BT fuq il-kumpaniji, u Brian Tonna kien qallu biex ma jinkwietax, għax dawn ma kellhomx x’jaqsmu miegħu.