Lokali Qorti

Indikazzjoni qawwija li d-dgħajsa maqbuda fil-Port il-Kbir hi ta’ Alfred Degiorgio

Kollox jindika li d-dgħajsa li nqabdet mill-“cameras” tas-Sigurtà ta’ Transport Malta dieħla u ħierġa mill-Port il-Kbir nhar is-16 ta’ Ottubru, tal-2017, bl-isem ta’ Maya, hi l-istess waħda maqbuda mill-Pulizija u li allegatament hi ta’ Alfred Degorgio u dakinhar kienet misjuqa minn George Degiorgio. Dan skont ix-xhieda tal-Kaptan Reuben Lanfranco, meta kompliet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-aħwa Alfred u George Degiorgio magħrufa bħala l-Fulu u ċ-Ċiniż flimkien ma’ Vince Muscat il-Koħħu, li qed jiġu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Wieħed mix-xhieda kien il-Kaptan Rueben Lanfranco qal li din id-dgħajsa hi Wellcraft filwaqt li l-mudell hu Martinique 2800, u f’Malta huma ftit id-dgħajjes ta’ dan it-tip irreġistrati.

Għal mistoqsijiet tad-difiża, l-Kaptan Lanfranco qal kif hemm ċans ta’ 95 fil-mija ċans li din l-istess dgħajsa maqbuda mill-Pulizija hi l-istess waħda li daħlet u ħarġet mill-Port il-Kbir nhar is-16 ta’ Ottubru. Xehed ukoll l-espert tal-Qorti Keith Cutajar li flimkien mal-Kaptan Lanfranco ħadmu fuq l-analiżi ta’ dawn il-filmati, liema filmati dawn indikazzjoni tajba ħafna fuq id-dgħajsa.

Xehdu wkoll eks-Surġent tal-Pulizija u l-Kuntistabbli Ryan Formosa li nhar l-4 ta’ Diċembru ġew maħtura mill-Inkjesta sabiex jieħdu xi marki tal-idejn flimkien ma’ diversi ritratti ta’ fabbrika fiż-żona ndustrijali fil-Marsa, f’garaxx f’Ħaż Żebbuġ. Qalu kif nhar il-5 ta’ Diċembru marru jagħmlu l-istess xogħol fis-Swieqi. Huma għamlu dan ix-xogħol flimkien ma’ espert tal-Europol. Huma ppreżentaw ir-rapport tagħhom lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

L-ewwel xhud kien l-espert Keith Cutajar li ħadem flimkien mal-Kaptan Lanfranco li ppreżenta d-dokumenti relatati mal-ħidma tiegħu dwar il-filmati meħuda mill-cameras tas-sigurtà. Cutajar spjega li hemm numru ta’ ritratti meħudin minn diversi angoli li juru d-dgħajsa hi Maya. L-avukat William Cuschieri mid-difiża staqsa jekk jikkonfermax li hi l-istess dgħajsa, b’Cutajar iwieġeb li huma “similissi” u li din il-mistoqsja għandha tiġi ndirizzata lejn il-Kaptan Lanfranco.

Il-Kaptan Reuben Lanfranco li analiżża il-filmati u r-ritratti relatati mad-dgħajsa qal li bħalissa din tinsab f’hangar. L-analiżi saret l-iktar fuq in-naħa ta’ barra għall-karatteristiċi partikolari. Lanfranco qal li għat-tip ta’ dgħajsa li hi, il-Maya kellha tinda tal-lewn aħdar, searchlight fuq u post partikolari fejn jitpoġġew il-fender.

Lanfranco qal li f’Malta il-mudell tal-Maya mhuwiex kommuni u nstab biss li kien dgħajsa waħda biss f’Malta. Il-Maya hi Wellcraft Martinique 2800. Bl-isem Wellcraft miktub mal-ġenb u fuq quddiem b’ittri kbar. Lanfranco qal li huwa analiża wkoll id-dgħajjes l-oħra li dehru fil-filmati u ritratti li analiżża. “Dik il-qoxra li tidher fil-filmati diversi hi propju dik miżmuma mill-Pulizija” – tenna Lanfranco.

Fil-kontro-eżami, tal-Avukat Cuschieri, dan staqsa lil Lanfranco jekk jeskludix li setgħet kienet dgħajsa oħra kważi indentika iżda mhux reġistrata Malta. Lanfranco jgħid li huwa jeskludi minħabba l-fatt li dawn it-tip ta’ dgħajjes ma tantx hemm fis-suq.

Sadanittant l-ex Surġent tal-Pulizija li kien appuntat bħala espert tal-Qorti qal li eżamina biċċiet tal-plastik li ttieħdu mill-Bidnija kif ukoll 11-il CD ta’ materjal.

Wara telgħu jixhdu tliet esperti ballistiċi. Huma qalu li ġew appuntati fl-4 ta’ Diċembru 2017. Wieħed mill-esperti spjega li xogħolhom kien li joħolqu katalogu għall-pistoli. L-espert jgħid li dawn ingħataw lilhom mingħand Pulizija oħra. Mistoqsi meta waslu għand l-esperti, jgħid li kien diversi dati li fihom waslu l-affarijiet. Waħda mill-pistoli kienet ġiet rilevata minn Ħaż-Żebbuġ.