Lokali Qorti

Il-Ministru Bonnici ordnat iħallas €60,000 lil raġel li kien weġġa’ f’ħabta

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi ġie ordnat iħallas aktar minn €60,000 lil żagħażugħ wara li kien laqtu u weġġgħu f’inċident tat-traffiku fl-2014. L-inċident kien seħħ fit-3 ta’ April tal-2014 fi Triq Ġużé Flores f’Santa Venera ħdejn il-mini.

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabet lill-Ministru Bonnici mhux ħati li b’mod involuntarju weġġa’ żewġ persuni oħra waqt inċident tat-traffiku barra l-mina ta’ Santa Venera, fosthom lil persuna li rebħet il-kawża.

L-inċident ġara f’April li għadda meta l-Ministru ħabat bil-karozza privata tiegħu ma’ żewġ karozzi oħra. Minħabba l-ħabta, wieħed mill-persuni mweġġa’ kellu jittieħed Mater Dei għall-kura, u dan kien fittex personali lill-Ministru.

Il-vittma tal-inċident li kellu 26 sena kien waqqaf il-karozza tiegħu mal-ġenb wara li kellha xi ħsarat. Hu weġġa’ gravi meta Bonnici laqtu bil-vettura privata tiegħu.

Skont rapport mediku, il-vittma sofra ġrieħi f’rasu, f’wiċċu, u fl-irkoppa. Xhur wara l-inċident kien għadu jilmenta minn skumdità f’irkopptu.

Skont il-vittma, hu kellu l-“hazard lights” mixgħulin u li sakemm kien wieqaf, għaddew minn ħdejh numru ta’ vetturi mingħajr problemi ta’ xejn. Il-Qorti ddikjarat li Bonnici kien responsabbli għall-inċident. Bonnici kien ċaħad li l-“hazard lights” kienu mixgħula.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li Bonnici kien u għadu inxurjat b’mod sħiħ u li l-ħlas se jiġi affetwat mill-kumpanija tal-assigurazzjoni. Il-Ministeru qal li Bonnici ma kienx għamel oppożizzjoni għat-talba għal ħlas ċivili u li “din naturalment iffaċilitat in-nuqqas ta’ dewmien fil-kawża”. Il-kawża kienet infetħet fl-2016.