Lokali

Tal-Kabinett jafu min se jkun President

Il-membri tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat jafu min se jkun il-President ta’ Malta, ladarba f’April li ġej jispiċċa t-terminu ta’ Marie Louise Coleiro Preca.

Kien il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo stess li kkonferma li jaf min se jkun il-President li jmiss. Madankollu, hu ċaħad – bi tbissima – li se jkun hu fit-tmun tal-Presidenza.

Evarist Bartolo wieġeb il-mistoqsijiiet ta’ NET News dwar jekk problemi li s’issa għadhom pendenti fil-Ministeru tiegħu hux se jitħallew fuq l-ixkaffa jekk hu jsir President tar-Repubblika.

Min-naħa l-oħra, u minkejja li normalment il-President ta’ Malta jintagħżel mill-Prim Ministru, li jinforma wkoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Ministru tal-Edukazzjoni kkonferma li hu jaf min intagħżel.

Fil-fatt, hu qal wkoll li awguralu għal din il-pożizzjmi l-ġdida.

Fil-ġimgħat li għaddew, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista appellat biex, f’ġieħ l-għaqda nazzjonali, il-President ta’ Malta ma jkunx persuna mill-kamp Laburista.

Il-President il-ġdid se jkun l-għaxar wieħed ta’ Malta Repubblika.