Internazzjonali

Jemmnu li l-Brexit ma jsirx skont il-pjan

Tnejn mill-akbar donaturi għall-kampanja tal-Brexit illum jemmnu li l-proġett għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, maż-żmien, se jkun abbandunat mill-Gvern bir-riżultat li l-pajjiż ikompli bħala membru tal-grupp ta’ Stati.

Il-biljunarju Peter Hargreaves, li kien it-tieni l-akbar donatur għall-kampanja ‘leave’ tal-2016, u Crispin Odey, li hu hedge-fund manager ewlieni, issa qalu, waqt intervista, li ‘jistennew li r-Renju Unit jibqa’ fl-UE’ minkejja r-rebħa għall-kampanja ‘le’ fir-referendum storiku.

Fl-istess ħin, Odey qed jistenna li l-Lira Sterlina tissaħħaħ aktar ma tikber il-possibbiltà li ‘il-Brexit ma jsirx’ u meta s-swieq irriflettew ansjetà dwar l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

Iż-żewġ donaturi ewlenin jemmnu li x-xenarju qed jinbidel fost l-istaġnar fil-Parlament Britanniku u fost indikazzjonijiet li l-ftehim għall-Brexit li laħqet il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, ma’ Brussell, mhux se jgħaddi mill-vot fil-House of Commons. Il-ftehim, intant, żied l-inċertezza dwar ‘kif’ jew ‘jekk’ il-Brexit għandux ikun realizzat.

Hargreaves jemmen li l-establishment politiku hu determinat biex il-Brexit ma jsirx u li r-riperkussjonijiet ta’ din is-sitwazzjoni jwasslu għal ‘nuqqas ta’ fiduċja fil-klassi politika fir-Renju Unit li se jibqa’ għal snin’. Dan is-sinjurun, li kien ta 3.2 miljun Sterlina lill-kampanja ‘leave’, ma jeskludix li l-Gvern ta’ May jitlob estensjoni għall-proċess tal-ħruġ formali mill-UE, imbagħad, isejjaħ it-tieni referendum.

F’każ li l-Brexit ma jseħħx, dan għandu jitqies bħala wieħed mill-aktar u-turns straordinarji fl-istorja moderna tar-Renju Unit u meta għad hemm ostakli kbar għal referendum ieħor. Dan meta l-Partit Konservattiv fil-Gvern u l-Laburisti fl-Oppożizzjoni huma impenjati biex ir-Renju Unit jitlaq l-UE skont ir-riżultat tar-referendum tal-2015.